L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, Ġesù jaċċetta l-istqarrija tal-fidi ta’ Xmun bin Ġona, ta’ Pietru, imma fl-istess ħin iwiddbu meta jifhem li Pietru għad baqgħalu x’jitgħallem. Alla jnebbaħ lil Pietru biex jagħraf li Ġesù hu l-Messija. “Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. Qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:15-16).
Dik kienet risposta tajba, il-konferma tal-identità ta’ Ġesù u Ġesù jilqa’ din l-istqarrija tal-fidi li mhix biss ta’ Pietru imma tal-Knisja wkoll. “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16:17b).
Fuq din l-istqarrija tal-fidi, Ġesù jibni l-Knisja tiegħu, jibni lilna l-familja ta’ Ġesù. Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej li għażel li jibni l-Knisja tiegħu fuq din l-istqarrija tal-fidi u nifhmu li aħna, bl-interċessjoni ta’ Ommu, nkunu nistgħu ntennuha matul ħajjitna kollha.
Ġesù beda jkellimhom fuq it-tbatija u din il-ħaġa Pietru ma kienx għadu lest li jifhimha “Allaħares Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi mingħalik,” għax Ġesù kien għadu kemm tkellem dwar it-tbatija li kellu jgħaddi minnha, li kellu jsofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba joqtluh u fit-tielet jum iqum. Din l-aħħar ħaġa ma fehmuhiex imma fehmu xi tfisser li tkun ikkundannat bla ħtija u li joqtluk. “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” (Mt16:22).
Imma Ġesù, din id-darba jlum lil Pietru: “Tkunx ta’ tfixkil għalija” (ara Mt 16:22). Għax il-ħobż ta’ Ġesù huwa li jagħmel ir-rieda tal-Missier. Kien jaf li kellu magħmudija ta’ sofferenza li kellu jgħaddi minnha, li l-imħabba tiegħu għalina kellha prezz għoli, li aħna kellna ninfdew bid-demm għażiż tiegħu u Ġesù dan il-prezz ried u xtaq iħallsu. Dan kien qed ibeżżgħu kif nafu li ġara fl-Ort tal-Ġetsemani imma kif qal hu wkoll f’dak il-mument għażiż ta’ Ħamis ix-Xirka bil-lejl: “Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int. (Mt 26:39).
Ġesù jistaqsina: “Intom min tgħidu li jien?” F’din il-kwindiċina ta’ Santa Marija, ħsiebi idur fuq il-Madonna. Kieku il-Madonna kellha tgħinna nirrispondu lil Ġesù, Ġesù min hu? X’inhi l-identità tiegħu? Anke hi kellha l-ispirazzjoni minn Alla biex tifhem min kien binha, min kienet it-tarbija li ġarret fil-ġuf għal disa’ xhur. Dan li se jitnissel fik bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jissejjaħ kbir, jeħles lil ulied Iżrael minn dnubiethom, issejjaħlu Joshua Ġesù għax Alla jsalva. Kemm hi u kemm San Ġużepp kellhom din l-ispirazzjoni divina bħalma kellu San Pietru iktar tard fuq l-identità vera ta’ Ġesù imma f’Marija ma nsibux atteġġjament ta’ tfixkil. Jekk Pietru mnebbaħ fuq l-identità ta’ Ġesù għamel l-istqarrija sabiħa: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16), Sidtna Marija mhux biss irċeviet l-istess stqarrija minn fomm l-Anġlu Gabrijel, imma wkoll għożżietha fil-qalb tagħha. Hi kienet totalment marbuta mar-rieda tal-Missier: “Ha jsir minni skont kelmtek!”(Luqa 1: 38). Anke lilna hekk tgħidilna. Il-kelma għażiża li tatna f’Kana tal-Galilija, qed tgħidha lilna wkoll: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”(Ġw 2: 5).
B’din il-kelma hi tirrepeti dak li jgħid il-Missier fuq l-għolja mqaddsa meta fuq l-Iben l-għażiż tidher il-glorja u jinstema’ leħen: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”(Mt 17:5).
Dan il-misteru ċċelebrajnieh ilbieraħ fil-festa tat-Trasfigurazzjoni u minn fuq l-għolja qaddisa smajna leħen il-Missier jgħidilna: “Isimgħu lilu”(Mt 17:5). Jidwi wkoll fil-qalb tagħna l-parir tal-omm: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”(Ġw 2:5).
Xi qbil kommoventi u konverġenza straordinarja hi din! Marija tifhem min hu binha u tifhem x’inhu ta’ ġid għalina u tgħidilna sabiex nisimgħu lilu. B’din il-kelma, u b’dan l-atteġġjament Sidtna Marija ta’ Nazaret issir tassew dak li kellha tkun Eva għax hi Eva l-ġdida, Omm il-Ħajjin kollha. Eva, l-ewwel omm, kienet imsejħa Omm il-Ħajjin kollha. L-Eva l-ġdida li tissieħeb m’Adam il-ġdid fil-missjoni tiegħu li jsalvana, issir ukoll Omm il-Ħajjin kollha.
Illum ġibtu quddiem ix-xbiha qaddisa ta’ Marija Assunta lil uliedkom, il-frott għażiż tal-imħabba tagħkom. Dejjem itolbu l-barka fuq uliedkom għaliex kif tafu, biex trabbihom trid tegħreq l-għaraq, ma ngħidilkomx tad-demm, imma kważi. Ma’ kull taħbita ta’ qalbek, ma’ kull battikata u ma’ kull sagrifiċċju, fittex li jkun hemm dejjem imħabba kbira.
Il-Mulej ibierek il-maternità u l-paternità tagħkom; ibierek lilkom u lil uliedkom u bħalma tgħid il-liturġija tal-Knisja, ikollkom dejjem il-barka fl-ulied.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta