L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” (Lq 1:30-31).
Din kienet l-aħbar tal-Anġlu Gabrijel lil din it-tfajla żagħżugħa, verġni, Marija ta’ Nażaret. Ried juriha l-identità tal-iben li kellu jitnissel fil-ġuf tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1:35).
Ibnek huwa sultan. Inti msejħa tkun Omm is-Sultan. Bir-raġun illum inqimu lil Marija bħala sultana inkurunata, għaliex hi Omm is-Sultan. Ġesù, meta telaq mid-dar u beda l-missjoni tiegħu u beda jitma’ lil min hu bil-ġuħ, riedu jagħmluh sultan; sultan politiku, sultan li jitma’ b’mod mirakoluż. Hu ħarab, imma quddiem Pilatu, għall-mistoqsija tal-gvernatur, “Inti sultan?” (Ġw 18:33), Ġesù wieġbu, “Inti qiegħed tgħidu” (Lq 23:3), “Jien sultan, imma s-saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja” (Ġw 18:36). Nafu li l-kawża għall-kundanna li ngħatatlu kienet li għamel lilu nnifsu sultan tal-Lhud. Hekk kien hemm miktub fuq is-salib: “Ġesù ta’ Nażaret, Sultan tal-Lhud” (Mt 27:37).
Omm dan is-sultan kienet hemm ħdejn is-salib. Fehmet xi tfisser issaltan bħal binha u ma’ binha. Ma nqimuhiex biss sultana għax hija omm is-sultan, imma għaliex bl-umiltà, bil-fedeltà u bl-imħabba tagħha, għallmitna kif issaltan tassew. Meta l-Anġlu Gabrijel għarrafha li l-qariba tagħha Eliżabetta fi xjuħitha hi wkoll kellha tnissel iben fil-ġuf u diġà kellha sitt xhur tqala — dik li kienu jgħidu li ma setgħetx ikollha tfal — l-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna li omm is-sultan telqet tħaffef lejn l-għoljiet tal-Lhudija biex tkun ħdejn qaribtha Eliżabetta fl-aħħar tliet xhur tat-tqala tagħha.
Min isaltan jitgħallem x’jiġifieri jkun qaddej. Illum aħna nqimu lill-Omm is-Sultan, lil Marija Reġina, għaliex mhux biss sawret fil-ġuf u rabbiet lis-sultan, imma ħadet fuqha wkoll l-istil tas-saltna tiegħu. Stil ta’ kompassjoni, ta’ viċinanza u ta’ tenerezza, kif kien iħobb jgħid il-Papa Franġisku: “X’inhu l-istil tal-Evanġelju? Huwa stil ta’ kompassjoni, ta’ viċinanza u ta’ tenerezza”. Sidtna Marija wriet l-istil tal-Evanġelju meta fit-tieġ ta’ Kana ndunat li l-għarajjes kienu fi problema kbira u ma baqgħalhomx inbid. Hi ddur lejn binha, is-sultan, u tħeġġu biex jagħmel l-ewwel sinjal tiegħu, u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Il-kelma li qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana turi l-qalb ta’ Marija msejsa fl-umiltà u fl-ubbidjenza: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Fil-talba tagħha – il-Magnificat – hija tfaħħar lil Alla: “Għax xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”, imma bl-umiltà realistika tagħha tgħid ukoll: “Kull nisel jibda jsejjaħli hienja.” L-hena ta’ Marija kienet dik li ħabbret ukoll Eliżabetta: “Hienja int li emmint” (Lq 1:45).
Meta mara fil-folla tgħajjat lil Ġesù, “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt” (Lq 11:27), il-Mulej jgħid, “Imma iżjed henjin dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmluha” (Lq 11:28). F’dak il-kliem ta’ Ġesù nilmħu mhux biss hemm ir-risposta tal-omm lill-anġlu, li fetħet beraħ għalina s-salvazzjoni: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38), imma hemm ukoll il-parir tagħha lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana:“Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Għax dik hi l-hena tassew: li aħna nduru lejn il-Missier u kontinwament ngħidulu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekk fl-art.” Sidtna Marija bil-ħajja tagħha, bit-taħbita ta’ qalbha — u b’kull taħbita ta’ qalbha — kienet tgħid lil Alla l-Missier: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekk fl-art.
Meta binha ħallieha armla u telaq għall-missjoni tiegħu, id-demgħa tagħha kienet demgħa ta’ omm, imma kienet demgħa li ssaffi l-maternità tagħha minn kull possessività. Sidtna Marija tgħallimna li min isaltan mhuwiex mhedded bil-kilba għall-poter imma bil-ħeġġa libera li jaqdi. Din hija s-sultana tagħna. Sidtna Marija hija sultana għax Alla ried li tissieħeb ma’ binha f’dak kollu li għamel biex isalvana. Mhix fuq l-istess livell ta’ binha, għax binha huwa l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Hu s-Salvatur, l-uniku salvatur tagħna, l-uniku medjatur tagħna.
Imma hi, ta’ omm li kienet ta’ sostenn u ta’ kumdità għall-missjoni ta’ binha. Issaltan għax tgħallmet toqgħod f’postha bħala l-qaddejja tal-Qaddej tal-Mulej. Jekk binha huwa l-qaddej li jsofri, li jsir sfigurat biex jitgħabba bil-piżijiet tagħna, bi dnubietna u bil-ġerħat tagħna, hi l-qaddejja tal-Qaddej. Il-Mulej ried lil ommu jseħibha fil-glorja tal-irxoxt, fil-Misteru tal-Assunta li aħna niċċelebraw minn hawn u ftit ieħor. Ried li ommu tinħeles mit-taħsir tal-qabar, li tiġi assunta fis-sema, u li fiha — bħal kewkba ta’ filgħodu, kewkba tal-baħar, Stella Maris — tiddi t-tama tagħna tal-qawmien għall-ħajja. Ried li ommu tkun xhieda li r-rebħa fuq il-mewt mhix ħrafa, imma realtà miktuba fid-destin ta’ kull wieħed u waħda minna. Sidtna Marija, Sultana Omm; Sidtna Marija, Sultana Qaddejja, Qaddejja tal-Feddej – tissieħeb fil-glorja tiegħu u teżerċita l-maternità tagħha li binha fdala minn fuq is-salib: “Mara, hawn hu ibnek… Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27). Dak il-kliem li Ġesù jindirizza lill-familja l-ġdida tal-maħbubin tiegħu, tad-dixxipli tiegħu, qed jindika wkoll lilna l-omm tas-sema u bir-raġun aħna nsejħulha Sultana.
L-antifona tal-Knisja, antikissima imma dejjem attwali, tkun fuq il-fomm ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna hawn illum nirringrazzjaw lil Alla f’dan l-anniversarju mit-tqegħid tal-kuruna prezzjuża fuq il-kwadru titulari ta’ dan it-tempju li llum huwa bażilika: “Sliem għalik, Sultana, Omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.”
Xi jfisser li tqim lil Marija ta’ Nażaret bħala ‘sultana’? San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li d-devozzjoni hija l-ewwel nett imitazzjoni. Aħna nagħmlu ħafna festi, imma jekk irridu nkunu tassew devoti ta’ Sidtna Marija u tal-qaddisin, ejjew nimitaw il-virtujiet li jgħallmuna. Allura, li tpoġġi kuruna fuq ix-xbieha għażiża tal-Assunta mhix biss espressjoni ta’ mħabba imma ta’ devozzjoni. Ippermettuli ngħidilkom ukoll: l-impenn li nimitaw il-virtujiet tagħhom. Il-Mostin, meta 50 sena ilu, fl-1975, taw din il-kuruna prezzjuża għall-kwadru titulari, riedu jgħidu: “Aħna, il-Mostin, inħobbuk; aħna, il-Mostin, irridu nimitawk. Għallimna l-umiltà tiegħek, għallimna s-sens ta’ qadi tiegħek, għallimna l-imħabba tiegħek.”
Ħabbarlek, Marija, l-arkanġlu mis-sema
li ibnek isaltan u jifdi kull ġens.
Kif twieled, il-maġi, imwieżna mill-kewkba,
ġew ħdejk jaraw l-Ibnek imfisqi bil-wens.
Għallimt lill-qaddejja fil-festa tat-tieġ
biex jobdu lil ibnek u jservu bil-qalb.
Inti bkejt demgħat iebsa kif ħareġ mid-dar,
tgħallimt l-Evanġelju tal-qadi u t-talb.
Segwejtu
sal-aħħar fit-triq tas-salib
u dfintu fis-satra tal-art imdemmija.
Fraħt rajtu fil-glorja ta’ sebħ il-qawmien,
u Hu ħadnek b’omm bil-glorja mżejna.
Xbiha
tiegħek fil-Mosta żżejnet b’kuruna,
ta’ qlubna ferħana, int l-oħla patruna.
Viva Marija inkurunata!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace