L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq.1: 53-54). Dan il-kliem li Marija qalet waqt iż-żjara tagħha lil Eliżabetta jagħtu sinifikat profond lil din l-esperjenza li għamilna f’dawn l-aħħar jiem.
Aħna għandna l-ġuħ tas-sewwa, l-ġuħ tal-verità tal-ġustizzja, tal-fejqan u Sidtna Marija tgħallimna nafdaw f’Alla li jimla’ b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ. Imma tgħidilna wkoll li l-Mulej jieħu ħsiebna. Kemm hi sabiħa din il-kelma li tgħid Marija: “Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq1:54). Mela meta nkunu mħabbtin, imtaqqlin, inkwetati, ejjew naħsbu f’din il-kelma: “Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1: 53-54).
Il-Mulej iħenn għalik u jieħu ħsiebek. Wara din l-omelija se ngħidu l-kredu għaliex din hija wkoll quddiesa li fiha nistgħu nakkwistaw l-indulġenza plenarja. Kellna l-grazzja li nqerru fil-bidu ta’ dan il-pellegrinaġġ u kuljum nistgħu nakkwistaw ukoll il-ħelsien mit-tbatija kollha ta’ dnubietna. Din il-grazzja tal-indulġenza plenarja nistgħu wkoll noffruha, napplikawha lil xi ħadd għażiż li ħalliena. Inkunu qegħdin nagħmlu att ta’ karità ma’ ħutna l-mejtin. Imma mhux biss fl-indulġenza plenarja aħna nitolbu għall-qdusija tiegħu l-Papa, bħalma se nagħmlu fl-aħħar ta’ din il-quddiesa u nistqarru l-fidi tagħna u għalhekk qabel is-Sagrament tad-dilka tal-morda nitolbu flimkien il-kredu.
X’inhu s-sinifikat tas-Sagrament li se niċċelebraw wara dan il-ħsieb qasir? Qabel konna ngħidulha extreme unction bl-Ingliż; extrema unctiobil-Latin, l-aħħar dilka bil-Malti, hekk kien jissejjaħ dan is-Sagrament – l-aħħar dilka. Il-Knisja fit-tagħlim aġġornat qiegħda tinsisti li din mhix id-dilka tal-aħħar imma hija d-dilka tal-morda. Kull min hu marid jirċievi din id-dilka biex kif jgħid is-Sagrament stess nissaħħu fir-ruħ u fil-ġisem. Tgħiduli jiena żagħżugħ, m’għandix bżonn nindilek, m’għandi l-ebda mard. Jista’ jkun għandek bżonn tissaħħaħ f’ruħek għax hemm mard tal-ġisem li jiddjanjostikah it-tabib u hemm mard tar-ruħ. Tajjeb li aħna u nirċievu dan is-Sagrament, nitolbu l-fejqan fir-ruħ u fil-ġisem.
Ħa ngħidilkom xi ħaġa veru importanti ħafna meta nidħlu fl-isptarijiet tagħna. F’dan iż-żmien trid tistaqsi inti biex ikollok is-sagramenti fl-isptarijiet għax intom tifhmu li kulħadd għandu l-idea tiegħu, hemm nies ta’ reliġjonijiet differenti li wieħed irid jirrispettahom. M’għadux li kulħadd Kattoliku u kulħadd se jirċievi s-sagramenti. Allura meta tidħlu l-isptar qisu li tavżaw lill-kap tas-sala li tixtiequ tirċievu s-sagramenti. Hekk is-saċerdoti fl-isptarijiet tagħna jkunu jafu bikom, meta jkun hemm bżonn, iwasslulkom it-tqarbin u meta jkun hemm bżonn ukoll id-dilka li ħafna drabi fl-isptar id-dilka tkun dilka tal-aħħar, mhux bilfors imma tkun id-dilka tal-aħħar. Id-dilka tas-Sagrament tad-dilka tal-morda jaħfer id-dnubiet għalhekk jista’ jagħtih biss is-saċerdot jew l-Isqof għax bid-dilka jinħafrulek dnubietek. Jekk inti għall-grazzja t’Alla imbagħad tkun tista’ tmur tqerr għandek tmur tqerr imma s-Sagrament jaħfirlek id-dnubiet allura anki meta nkunu morda u forsi wieħed ma jistax jitkellem u jirċievi s-Sagrament tad-dilka tal-morda jinħafrulu dnubietu. Meta imbagħad jistejqer u jkun jista’ jitkellem, jista’ jmur għand saċerdot u jqerr dnubietu. Imma mingħajr il-qrara ta’ dnubietek la ma tkunx tista’ tagħmilha, s-Sagrament jaħfer id-dnubiet. Għalhekk aħna u nilqgħu s-Sagrament nitolbu maħfra lil Alla ta’ dnubietna għaliex dan mhux biss fejqan tar-ruħ imma wkoll fejqan tal-ġisem.
Kif se nirċievu s-Sagrament? Meta jersaq quddiemek is-saċerdot biż-żejt tal-griżma, jdejk tagħmilhom hekk għaliex id-dilka hija fuq il-ġbin u fuq il-pala ta’ jdejk. Mela jdejk għamilha hekk biex is-saċerdot ikun jista’ jagħmel salib fuq iż-żewġ paliet ta’ jdejk.
Aħna s-saċerdoti fl-ordinazzjoni, l-Isqof ikkonsagralna jdejna, id-dilka tal-morda ssir fuq in-naħa l-oħra tal-id, imma dik issir għas-saċerdoti biss. Importanti ħafna wkoll li waqt li nirċievu s-Sagrament, inżommu l-ġabra, qed nirċievu s-Sagrament li jlaqqgħana ma’ Ġesù t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem.
Issa nitolbu l-kredu biex anki nġeddu l-fidi tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta