Patri Ivan Attard ġie kkonfermat bħala Promotur Reġjonali tal‑Ewropa għall‑Ġustizzja u Paċi, f’mandat li għandu jservi għal tliet snin. Dan ġie kkonfermat mill-Majjistru, Patri Gerard Timoner III wara l-konfirmazzjoni tal‑Provinċjali Ewropej fl‑IEOP u tal‑promoturi tal‑Ewropa għall‑Ġustizzja u l‑Paċi fi Vjenna permezz ta’ dokument uffiċjali.
Id-Dumnikani għandhom storja twila ta’ impenn fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u fis-sistemi ekonomiċi, soċjali u oħrajn li jifformaw u jaffettwaw ħajjitna. Fi żmien ta’ faqar kbir, San Duminku, dak iż-żmien kien student żagħżugħ tal-filosofija u t-teoloġija, biegħ il-kotba kollha biex jgħin lil dawk li kienu bil-ġuħ u fil-bżonn.
Fis-seklu sittax, missjunarji Dumnikani li kienu qed jakkumpanjaw lill-popli indiġeni qasmu l-esperjenzi tagħhom mad-Dumnikani fl-Università ta’ Salamanca fi Spanja. Meta mixħutin fid-dawl tal-fidi, dawk l-esperjenzi tal-missjunarji wassal lill-patrijiet Dumnikani biex jirriflettu, jiktbu u jsejħu għall-ġustizzja għall-popli indiġeni li kienu qed jiġu oppressi mis-sistema kolonjali. Din l-esperjenza wasslet lil Fra Francisco de Vitoria OP biex isejjes il-pedamenti tal-liġi internazzjonali. Miegħu nsemmu wkoll lil Fra Antonio de Montesinos, missjunarju Spanjol fil-gżira ta’ Hispaniola, fejn kien l-ewwel Ewropew li kkundanna l-iskjavitù u t-trattament iebes tal-indiġeni.
Sal-lum, id-Dumnikani baqgħu dedikati lejn il-ġustizzja, il-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, u l-ħarsien tal-ħolqien. Il-provinċja għandha Kummissjoni dedikata għall-ħidma tal-Ġustizzja u Paċi.
Source: Newsbook.com.mt