L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jitlobna li jagħrfuna mill-imħabba ta’ bejnietna; u jagħtina dan il-kmandament: “Ħobbu lil xulxin” (Ġw 13:34). Hu stess jgħid li l-liġi u l-Profeti jinġabru fl-imħabba; u San Pawl Appostlu Missierna jgħidilna: jista’ jkollna ħafna skills, ħafna virtujiet, ħafna kapaċitajiet; imma jekk ma jkollniex l-imħabba, nkunu frugħa.
Aħna llum qegħdin infakkru l-100 sena mill-kanonizzazzjoni ta’ dik li l-providenza tagħtina bħala d-Duttur tal-imħabba. Dik li f’età żgħira, ċkejkna, bil-passi ċkejknin tat-triq iċ-ċkejkna, kisbet l-imħabba kbira. Dik li l-Mulej taha li tkun il-qalb tal-Knisja, l-istedina li tagħmlilna Tereżina llum, li nkunu bħalha. Għaliex bil-kanonizzazzjoni tagħha, ma tpoġġihiex ’il bogħod minna, bħal mudell li ma nistgħux nilħquh. Hija mogħtija minn Alla – hekk ġara mitt sena ilu – bħala eżempju li fuqu nistgħu nimxu. Għax Alla jippermetti li wħud mill-qaddejja tiegħu, jiġu magħrufa bil-qdusija tagħhom, mhux biex aħna nħarsu lejhom, nammirawhom, u nitbiegħdu minnhom; imma biex inħossuhom tant qrib tagħna, u li minkejja d-difetti tagħhom għażlu t-triq tal-qdusija, li aħna wkoll msejħin għaliha. Għax aħna qed nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa, tal-mitt sena mill-kanonizzazzjoni ta’ din it-tfajla Franċiża, reliġjuża klawstrali.
Imma din il-festa, tkun ġiet u marret għal xejn, jekk ma nistaqsix jien: ‘Jiena t-triq tal-qdusija tiegħi, x’inhi? U kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu, irid jagħżel it-triq tal-imħabba. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Qabel taħseb, qabel titkellem, qabel taġixxi, staqsi lilek innifsek dan il-ħsieb: din il-kelma, dan l-aġir, huwa aġir ta’ mħabba? Jekk ir-risposta fil-qalb tiegħek hija le, evitaha. Imma jekk inti b’dak li qed taħseb, b’li qed tgħid, b’li qed tagħmel, qed tħobb lilek innifsek, lill-proxxmu, u lil Alla, allura agħmel kuraġġ.
Xi ħaġa oħra li tgħallimna Santa Tereżina, li Alla, li ismu huwa ħniena, huwa kapaċi jidħol bil-ħniena tiegħu, fl-iżjed irkejjen mudlama tal-eżistenza tagħna. Kellha l-esperjenza tagħha, meta ħasset il-vokazzjoni li titlob għal dawk il-bnedmin li tbiegħdu mill-imħabba ta’ Alla, u li forsi qatgħu qalbhom minnu. U l-esperjenza tat-talb tagħha, għal dak li kien ikkundannat għall-mewt, għax kien qattiel, Henri Pranzini, għallmitha, li t-talb tagħha lil Ġesù kienet tgħidlu: ‘Inti kbir, ħenn għal dak ir-raġel, laqqgħu mal-ħniena tiegħek’. U Pranzini ma riedtx! Il-qalb tiegħu, forsi minħabba l-esperjenzi tal-ħajja tiegħu, qata’ qalbu minnu nnifsu u minn Alla. U Tereża baqgħet titlob, u titlob, tħabbat fuq il-Qalb tal-għarus tagħha Ġesù. U ferħet meta waslitilha l-aħbar li Henri Pranzini, qabel qatluh, iġġustizzjawh, talab li jieħu f’idejh il-kurċifiss li kellu s-saċerdot, u bies il-pjagi tal-Imgħallem tliet darbiet. U ferħet Tereżina; u tikteb, li minn dakinhar, il-vokazzjoni tagħha kienet ċara ħafna, li kull att ċkejken tal-imħabba tagħha, bil-paċenzja, b’xi soru li dejjem iċċekċek snienha; kien hemm waħda li dejjem tgerger; jew inkella mbagħad bil-marda tat-tuberkolożi. Il-paċenzja ta’ kuljum fl-affarijiet ċkejknin, mhux kbar, ser jippurifikawna u se jkunu strument ta’ ġid kbir.
Aħna llum poġġejna fix-xbieha tagħha din il-warda sabiħa, prezzjuża, biex infakkru l-wegħda tagħha li mis-sema tibqa’ titfa’ l-ward tal-imħabba u l-ħniena fuq il-Knisja. Aħna u niċċelebraw il-mitt sena mill-kanonizzazzjoni tagħha, bid-deċiżjoni tal-Papa Piju XI, nitolbu ħafna għall-Papa Ljun XIV. Qegħdin lejliet il-bidu uffiċjali tal-ministeru ta’ dak li twieled Robert Francis Prevost, imma issa għax sejjaħlu l-Mulej permezz tal-kardinali, ħajtu mhux tiegħu, sar Ljun XIV. L-għajta tiegħu ddur mad-dinja kollha, tistedinna għall-paċi, għall-verità, u għall-ġustizzja. U Tereżina wkoll illum, biex tiċċelebra mis-sema, l-ewwel seklu mill-kanonizzazzjoni tagħha, tinterċedi għall-Papa, tinterċedi għal kull wieħed u waħda minna. Nitolbuha lil Tereżina, biex tkompli l-missjoni tagħha, u titlob li aħna, inkunu f’liema dlamijiet inkunu, niltaqgħu dejjem mal-ħniena tal-Mulej, u ma naqtgħu qalbna minn ħadd, ma naqtgħu qalbna mill-ebda sitwazzjoni, għax lil Pranzini laħqu għall-grazzja ta’ Alla. Aħna li nistgħu nagħmlu, u li għandna nagħmlu, nafdaw fih.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 13:44-52
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4
L-Evanġelju: Ġw 14:7-14