L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Johann, Matthew, u Shawn, enjoy the moment, gawduh dan il-mument taċ-ċapċipa għax għadna fil-bidu. Nixtieqkom li fil-qalb tagħkom jitnaqqax il-kliem tal-Kelma ta’ Alla li smajna llum. Jiena u nitlob fuq din il-Kelma ta’ Alla, laqtitni espressjoni sabiħa, imma qawwija ħafna: “Isejħulhom ballut tas-sewwa mħawla mill-Mulej għal foħritu”. “They will be called oaks of righteousness, the planting of the Lord, to display his glory” (Is 61:3).
Inti u dieħel il-belt tal-Imdina, meta tkun dieħel fuq in-naħa tax-xellug, għad hemm siġra, li hija balluta antika. Kull meta tidħlu fil-belt qadima tagħna, ħarsu lejn din is-siġra, u ftakru f’din il-Kelma ta’ Alla, li llum qiegħda titħabbar fuqkom; tkun din il-profezija fuqkom. “Isejħulhom ballut tas-sewwa mħawla mill-Mulej għal foħritu” (Iż 61:3).
Il-balluta hija siġra samma, biex tikber trid ħafna żmien; hekk intom ukoll! Intom il-ballut tas-sewwa, li nżrajtu mill-imħabba tal-ġenituri tagħkom, u llum il-Mulej qed isejħilkom is-siġra matura li tagħmel il-frott. Qiegħed isejħilkom ukoll is-siġra tas-sewwa. Itolbu, li bħala presbiteri l-frott tagħkom ikun dejjem frott tas-sewwa; qatt tad-dnewwa. Li tingħataw lill-poplu ta’ Alla, biex fis-sħana qawwija tax-xemx tagħtuh id-dell; u meta jkun il-maltemp tagħtuh il-kenn. Kunu sinjal li jmerukom, u tibżgħux għax il-Mulej qed jagħtikom il-qawwa u l-umiltà tiegħu.
Bħalma qalilna l-Papa Ljun ilbieraħ, ‘aħna msejħin inwasslu l-verità, bi kliem ċar, imma fis-sewwa u fl-imħabba’. Intom tkunu ballut tas-sewwa, qisu li l-kelma tagħkom mhix tagħkom, imma tal-Mulej Ġesù. Kif taqsmu l-Kelma ta’ Alla mal-poplu tagħna, kif tkellmuh, bl-imġiba tagħkom ma’ kull wieħed u waħda minna; jalla tkun dejjem immarkata bl-imħabba u bis-sewwa.
Il-glorja li nfittxu għal Alla hi l-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu.
Ftakru li intom imħawla mill-Mulej. You are the planting of the Lord. U kulma seħħ fikom, u jseħħ fikom li hu ta’ tjieba, ta’ ħniena, ta’ grazzja – kien, għadu u jkun frott tal-ħniena u grazzja tal-Mulej.
Illum il-Mulej li rakom tikbru minn żerriegħa ċkejkna, u tilħqu l-maturità taż-żgħożgħija tagħkom, qed iħawwilkom fil-Knisja bħala ballut tas-sewwa. L-irjieħ, il-maltemp, ivenvnu madwarkom. Mhux qed inwegħedkom ħajja komda jew faċli; imma qed inwegħedkom f’ismu l-qawwa tiegħu, il-ħniena tiegħu, is-sewwa tiegħu. Intom imħawla mill-Mulej, u aħna nilqgħukom bħala don li l-Mulej qed iħawwel fil-Knisja tiegħu. B’liema għan? Iżaija jispjegalna: “għal foħritu” (Iż 61:3).
Il-foħrija tal-Mulej tidher, meta intom tingħataw lilu b’qalb safja, immarkati bl-ubbidjenza, b’disponibbiltà totali lejn il-poplu ta’ Alla. Qisu li kull kelma, kull ħsieb, kull imġiba tagħkom, ikunu mmarkati mix-xewqa li tgħixu fl-intenzjoni retta; li tagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla għax il-glorja tal-bnedmin hi fiergħa, tgħaddi bħalma jgħaddi s-sħab, u kultant iġġib xi sajjetta jew tnejn.
Imma l-glorja li nfittxu għal Alla hi l-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu. Kollox jgħaddi! U meta nidhru quddiemu, ejjew ma nidhrux quddiemu b’idejna vojta, għax inkunu mlejnihom bil-frugħa tad-dinja, imma ejjew nersqu quddiemu b’qalb tħeġġeġ mimlija mħabba; għax meta ġisimna jsir trab, l-imħabba tagħna tibqa’ u ma tmut qatt.
Intom msejħin għall-imħabba kbira, imħabba samma, imħabba li għandha timla l-qalb tagħkom; u toftomkom mill-imħabbiet kollha tad-dinja; għax l-imħabba tagħkom tkun l-innamorament ma’ Ġesù. Ġesù jkun il-ħabib tagħkom, l-imħabba ta’ qalbkom u ta’ ħajjitkom. Jalla l-Mulej ilaqqagħkom ma’ poplu li jara fikom imħabba safja li tressqu lejn Ġesù.
Intom qegħdin issiru saċerdoti f’din is-sena ta’ grazzja, fil-Ġublew tat-Tama, imħabbar mill-Papa Franġisku, u li issa qed ngħixuh mal-Papa Ljun: kunu sinjal ta’ tama għall-poplu tagħna. Il-Mulej iħarisna, kull wieħed u waħda minna. Jalla kull meta narawkom u niltaqgħu magħkom nieħdu r-ruħ, inkunu qegħdin nitkellmu ma’ ħabib. Il-ħarsa tagħkom tkun dejjem ħarsa ta’ ħniena.
Intom qegħdin issiru saċerdoti, waqt li aħna qed nifirħu bid-don ta’ papa ġdid. Papa reliġjuż, li għex u jibqa’ jgħix is-safa, l-ubbidjenza u l-faqar, skont is-sejħa tiegħu. Il-kardinali għażlu li jagħtuh salib kbir u l-Mulej wettqu dan is-salib. Itolbu, li intom tkunu wlied leali ta’ Pietru, il-blata tal-fidi. Li l-iva tagħkom tkun iva dejjem, u l-le tagħkom, ikun le dejjem.
Tinsewx li intom qed tissieħbu fis-saċerdozju ministerjali, l-ispirtu tal-Mulej fuqkom, għax illum il-Mulej qed jikkonsagrakom biex twasslu l-bxara t-tajba lill-fqajrin. Fil-ministeru tal-Kelma tagħkom wasslu l-Bxara t-Tajba lil kull bniedem, li hu fqir u għandu bżonn il-Kelma tas-sewwa, il-Kelma tal-ħelsien veru, il-Kelma tal-ħajja. Bagħatkom biex iddewwu l-qalb miksura, u tħabbru l-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs. Dan tagħmluh bil-ministeru tar-rikonċiljazzjoni, fis-sagrament tal-magħmudija, tal-qrar, tad-dilka tal-morda. Intom iddewwu l-qalb miksura, tħabbru l-ħelsien lill-imjassrin; lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs. U tniedu meta taqsmu mal-poplu ta’ Alla l-misteru tas-salib, u l-Ewkaristija, tniedu s-sena tal-grazzja tal-Mulej.
Il-Mulej jagħtikom “il-kuruna flok l-irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-viżtu, l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa. Isejħulkom ballut tas-sewwa mħawla mill-Mulej għal foħritu” (Iż 61:3).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta