L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Int, Mulej, taħsilli saqajja?” Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem. Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja! Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi” (Ġw 13:6-8). Kemm hi qawwija din ir-risposta ta’ Ġesù. Pietru qed joġġezzjona għax ma jistax jifhem kif il-Mulej u l-Imgħallem, jitbaxxa daqshekk, li jieħu fuqu x-xogħol u r-rwol tal-ilsir, jinża’ l-mantar, jitħażżem b’fardal, u jaħsel saqajn id-dixxipli.
“Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien, tifhmu aktar ’il quddiem” (Ġw 13:7). Illum, wara l-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, aħna nistgħu nifhmu x’ried jagħmel Ġesù, bil-ġest tiegħu, li se nirrepetu minn hawn u ftit ieħor. Qed infakkru l-għotja totali tiegħu. Hija għotja ta’ mħabba. Mhux l-għemil ta’ skjav, imma l-għemil ta’ Mgħallem u Mulej, li jagħti ħajtu. U meta jgħidilna: “hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15) lil xulxin, qed jgħallimna li l-imħabba ta’ bejnietna trid tkun imħabba ta’ vera, li tagħti ħajtek; u tagħti ħajtek bil-qalb.
“Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘l-Mulej’ u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:13-14). Ma’ Pietru, lil Ġesù illejla ngħidulu: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll” (Ġw 13:9). L-ewwel jgħidlu ma jkun qatt; imbagħad meta jifhem, li din hija l-kundizzjoni li jitlob Ġesù biex tkun miegħu, li tħallih jaħsillek saqajk, jgħidlu: aħsilni kollni kemm jien: “mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll” (Ġw 13:9).
Il-qaddisin kbar tal-Knisja, l-għorrief tal-Knisja, aħna nsejħulhom ‘il-patres – missirijiet’, din ir-risposta ta’ Pietru, jaraw ukoll il-kap u l-blata tal-Knisja, li titkellem f’isimna: mhux saqajna biss, imma jdejna u rasna wkoll. Pietru, jinkludi lili u lilek miegħu, meta lill-Mulej iċedilu għal ġest li jaħsillu saqajh. Il-Mulej jitkellem fuq ħasil, li jfisser, li inti tixtieq tassew tkun miegħu. Għandu bżonn il-ħasil, min jifhem li mhux nadif. U aħna u nitolbu lill-Mulej biex jaħsilna, biex jippurifikana, biex isalvana, qegħdin nammettu li għandna bżonnu, biex isaffina, biex jgħallimna xi tfisser tħobb.
Il-Mulej, iħobb anke meta jaf li se jkidduh, jittraduh, u joqtluh. Forsi aħna nibżgħu minn din it-tip ta’ mħabba.
Illum, nibdew dawn il-jiem qaddisa, fejn nibdew nifhmu iżjed il-ġest ta’ Ġesù. “Għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem” (Ġw 13:7). Nitolbu dan l-għarfien bħala grazzja kbira, li kapaċi tbiddlilna qalbna: minn qalb tal-ġebel, tagħmilha qalb tal-laħam, fejn għandna bżonn ninħaslu mill-Mulej, id-dnubiet li tagħhom għandna bżonn li nitolbu maħfra. Il-maħfra li għandna bżonn nitolbu minn xulxin.
Din is-sena ta’ grazzja, li hija sena tal-ġublew, ejjew nitolbu l-grazzja li nidħlu fl-ispirtu ta’ Ġesù, li meta ħabb lil dawk li kienu tiegħu, ħabbhom għall-aħħar. Il-Mulej, iħobb anke meta jaf li se jkidduh, jittraduh, u joqtluh. Forsi aħna nibżgħu minn din it-tip ta’ mħabba. Imma ejjew nifhmu wkoll l-aħwa, kemm aħna għeżież għall-Mulej, li ħabbna anke meta konna għedewwa tiegħu.
Illum qegħdin infakkru mhux biss dan il-kmandament tal-imħabba, imma t-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju. Dawn it-tlieta tgħaqqadhom kelma waħda: imħabba. U l-istil ta’ din l-imħabba hija l-imħabba li tagħti ħajtek. Ejjew nitolbu biex f’dawn il-ġranet nifhmu iżjed flimkien ma’ Pietru, xi tfisser din l-imħabba.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 61:1-3a,6a,8b,9
Salm: 88(89):21-22,25,27
Qari II: Apok 1:5-8
L-Evanġelju: Lq 4:16-21