L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan il-jum fir-Randan, li hu jum partikolari, il-Ġimgħa fir-Randan, il-Kelma ta’ Alla tippreparana għall-misteru l-kbir tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-parabbola li jagħti Ġesù llum, titkellem fuq l-iben li jintbagħat mis-sultan, biex iħajjar lill-bdiewa jimxu sew u jagħmlu l-ġustizzja. “Fl-aħħar bagħatilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu’, qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna’. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh” (Mt 21:37-39). Din il-frażi ta’ Ġesù, li l-kapijiet tal-Lhud jifhmu tajjeb ħafna, isseħħ fil-Ġimgħa l-Kbira. Bin Sid il-għalqa, l-Iben ta’ Alla, jaqbduh, jixħtuh ’il barra mill-għalqa, barra minn Ġerusalemm, u joqtluh barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm, fuq l-għolja tal-Golgota. L-ironija hi, li b’din il-mewt, aħna tassew insiru werrieta miegħu, nieħdu sehem mill-wirt tiegħu.
L-ewwel qari jitfa’ dawl fuq l-Evanġelju li smajna għax l-ewwel qari u s-salm, li llum irridu naqrawhom flimkien, jitkellem fuq in-narrattiva tal-istorja traġika ta’ Ġużeppi. Biex ngħidu hekk, it-tifel favorit ta’ Ġakobb, jew Iżrael, li ħutu minħabba l-għira, neżżgħuh minn ħwejġu u jbigħuh bħala lsir. Imma Ġużeppi, mibjugħ minn ħutu, isir ukoll għajn ta’ salvazzjoni għal ħutu u għal missieru. “Is-Sultan bagħat iħollu, dak li jaħkem il-popli ħelsu. Għamlu sid fuq id-dar tiegħu, ħallielu f’idejh ġidu kollu.” (Salm 105:20-21). U permezz ta’ din il-ġid, Ġużeppi jsalva lil ħutu u lil missieru mill-għaks u mill-mewt.
Il-qari tal-lum ifakkarni f’espressjoni li kien iħobb jirrepeti San Ġorġ Preca. Ejjew nippruvaw niftakruha għax tgħinna kull meta l-ħajja ssir kumplikata minħabba r-rabja ta’ xi wħud jew il-kliem żejjed ta’ xi ħadd. Kien jgħid hekk: ‘Il-bnedmin iħawdu, x-Xitan iħawwad, u Alla mit-taħwid tagħhom, joħroġ ir-rieda mqaddsa tiegħu’.
Mela madwarek, meta tara t-taħwid, l-għira, il-kefrija, r-rabja, tinkwetax! Afda f’Alla. Il-Mulej jaf jagħmel ir-rieda tiegħu fuqek, u fuq iċ-ċirkustanzi ta’ madwarek, permezz tat-taħwid tan-nies, tal-kefrija tagħhom; anke tal-mibegħda tax-xitan. Wara kollox hekk għamel, ħelisna mill-jasar tad-dnub, meta aħna lil Ibnu, ittradejnieh, ikkundannat u maqtul. It-taħwid u l-kefrija tagħna u tax-xitan, Alla biddilhom f’salvazzjoni. Alla biss jista’ jagħmel hekk. Illum ta’ min nitgħallmu nafdaw iżjed fih.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 37:3-4,12-13a,17b-28
Salm: 104 (105):16-17,18-19,20-21
L-Evanġelju: Mt 21:33-43,45-46