L‑entità tal‑Knisja Fondazzjoni Sebħ iffirmat ftehim mal‑Ministeru għall‑Politika Soċjali, sabiex tkompli tmexxi d‑djar tat‑tfal f’Malta u toffri sigurtà, dinjità, imħabba u għożża lit‑42 tifel u tifla li jinsabu fil‑kura tal‑Knisja.
Dan il‑ftehim jassigura għajnuna finanzjarja ta’ €7 miljun mill‑Gvern sabiex Fondazzjoni Sebħ tkompli tmexxi s‑seba’ appartamenti residenzjali. Hu stmat li Fondazzjoni Sebħ għandha bżonn madwar €70,000 fis-sena għal kull tifel u tifla. Din in‑nefqa tkopri bżonnijiet essenzjali bħal ikel, kura tas‑saħħa, edukazzjoni, terapija, il‑manutenzjoni tad‑djar u t‑taħriġ u l‑pagi tal‑persuni li jieħdu ħsieb lit‑tfal 24 siegħa kuljum.
Id‑Direttur ta’ Sebħ, Yvonne Mallia qalet li b’dan il‑ftehim, Fondazzjoni Sebħ se tkun tista’ tkompli ssaħħaħ is‑servizzi u l‑kura speċjalizzata offruti lit‑tfal u adolexxenti li bħalissa qed jgħixu f’dawn l‑appartamenti u lit‑tfal l‑oħra li se jidħlu f’dawn id‑djar fis‑snin li ġejjin. Hi rringrazzjat lill‑Ministru għall‑Politika Soċjali u Drittijiet tat‑Tfal għal dan il‑finanzjament li jagħmilha possibbli sabiex il‑Knisja tkompli toffri servizzi professjonali b’xejn lis‑socjetà.
Il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Dun Martin Micallef, faħħar id‑dedikazzjoni u l‑imħabba li d‑90 impjegat ta’ Sebħ joffru lit‑tfal li jinsabu fil‑kura tal‑Knisja. Hu rrringrazzja wkoll lill‑Istat ta’ dan il‑finanzjament kif ukoll tal‑fiduċja tiegħu fis‑servizzi offruti mill‑Knisja.
Permezz ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta, u fl‑aħħar snin mill‑Istat permezz ta’ Public Social Partnerships, li jkopru parti sostanzjali mill-ispejjeż, Fondazzjoni Sebħ evolviet milli toffri kura istituzzjonalizzata għal ambjent aktar personalizzat u f’ambjent li jixbah dak ta’ familja.
Il‑missjoni ta’ Fondazzjoni Sebħ bdiet fl‑1956 meta l‑Arċidjoċesi ħadet f’idejha l‑koordinament tad‑djar tat‑tfal immexxija mill‑ordnijiet reliġjużi. Minbarra dawn id‑djar, Fondazzjoni Sebħ toffri wkoll għajnuna bla ħlas lil familji u nisa u tfal li jixtiequ joħorġu jew ħarġu miċ‑ċirku tal‑vjolenza, kif ukoll assistenza lill‑familji fil‑komunità u servizz ta’ aftercare.
Min jixtieq jgħin lil Fondazzjoni Sebħ sabiex tkompli toffri servizzi tal‑ogħla kwalità u servizzi ġodda, jista’ jżur sebh.mt. Jekk teħtieġ l‑għajnuna, tista’ tikkuntattja lil Sebħ fuq 22470900 jew tibgħat email fuq [email protected].