L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Huwa mument li fih irridu ngħidu, għax huwa dover tagħna, grazzi kbira lill-Mulej. F’dawn is-sigħat propju fl-Indja, fejn il-Missjunarji qegħdin ifakkru lil dawk li taw ħajjithom, hemm l-Isqof Joseph Galea Curmi, il-Vigarju Ġenerali u Isqof Awziljarju ta’ Malta, li qed jaġġornana b’din l-esperjenza tiegħu li jżur l-ambjenti, imbierka u mqaddsa, bil-ħidma tal-Missjunarji għeżież tagħna.
Ftit sigħat ilu bagħtilna ritratti taż-żjara li għamel fiċ-ċimiterju tal-post, fejn hemm midfunin diversi Missjunarji Maltin u anke Sqallin, li taw ħajjithom għall-missjoni fl-Indja; hemm ukoll ħajt li jikkommemora missjunarji li mhux midfunin hemm, imma li taw ħajjithom f’dan il-post imma, li wara li rritornaw Malta, kellhom l-appuntament mal-Mulej fl-aħħar vjaġġ tagħhom propju minn ħawnhekk.
Impressjonanti tara s-sensiela ta’ nies ġenerużi li telqu gżiritna fiż-żgħożija tagħhom, għamlu vjaġġi ta’ diffikulà kbira, ħallew il-ġenituri u qraba tagħhom jibkuhom u jimmissjawhom, taw ħajjithom, l-imħabba tagħhom saret art ġdida.
Il-kumditajiet ta’ din il-ħajja li kienet tisfidahom, fir-reżiljenza umana tagħhom, anke dik spiritwali. Nimmaġina li l-missjunarji tagħna ma għaddewx minn dik it-tbatija fiżika fejn batew għatx u ġuħ, u n-nemus u l-umdità u tant varjabbli klimatiċi, imma wkoll minn dak il-lejl tad-dlam tar-ruħ. Ta’ min jistaqsi lilu nnifsu: “imma inti Mulej eżattament xi trid minni?”
Poplu kbir ta’ Alla kien qed jistenniehom, poplu għatxan għall-kelma tal-verità, għall-ġustizzja soċjali, għall-kelma li l-bniedem terfgħu u tagħtih tama. Ma’ dan il-poplu kien hemm Ġesù. “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”(Mt25:40).
Il-Missjunarji tagħna temgħu lil min kien bil-ġuħ, sqew lil min kien bil-għatx, żaru lill-morda, fuq kollox taw opri kbar, kapaċità kritika li kultant f’ambjenti kulturali fejn sabu ruħhom, ma kinitx tant mixtieqa. Il-Missjunarji tagħna kellhom iħabbtu ruħhom ukoll ma’ diffikultajiet kulturali li jaraw il-messaġġ tagħhom bħala theddidda.
Illum irridu nsellmuil-paċenzja tagħhom, insellmu l-erojiżmu tagħhom, irridu insellmu l-fedeltà tagħhom. Dan kollu li qed infakkru llum, dan kollu li qed niċċelebraw illum l-aħwa, xi jfisser għalina illum? Il-mistoqsija li nagħmlu aħna llum hija: għadna nfittxu dak li hu essenzjali fil-ħajja jew inkella l-bir ta’qalbna tant imtela b’affarijiet, tant imtela bid-dipendenzi, li ma hemmx spazju biex jilqa’ d-don tal-libertà, id-don tal-paċi. U allura ma għandux post fejn l-eku tal-missjoni jilħaq il-ġenerazzjonijiet tagħna.
Qegħdin f’din il-kappella ta’ ambjent li eduka mijiet, eluf ta’ Maltin. Li introduċa diversi missjunarji. Illum kemm aħna kapaċi nentużjażmaw il-ġenerazzjoni żagħżugħa għall-istess ġenerożità li wrew il-missjunarji li llum qed niċċelebraw?
Mitt sena ilu Malta kienet għadha qed titħabat għall-post tagħha, għad-dinjità governattiva tagħha, ftit tas-snin qabel kienet ingħatat l-ewwel kostituzzjoni, l-ewwel parlament elett. Malta kienet bejn iż-żewġ gwerer qiegħda tħares lejn il-futur.
Dawn il-missjunarji telqu l-pajjiżna, b’tama kbira li l-kelma ta’ Ġesù, li tibgħathom bl-ubbidjenza fl-ibgħad postijiet tad-dinja, ser tħalli l-frott. Aħna u nfakkru l-memorja tagħhom nirringrazzjaw lil Alla għax-xhieda tagħhom u nitolbu li pajjiżna qatt ma jinsa l-vokazzjoni tiegħu, li dejjem hi l-vokazzjoni missjunarja.
L-aħwa jekk ma għadniex ġenerużi biżżejjed biex naqsmu ma’ ħutna l-oħla dawl li rċevejna, dan id-dawl inemnem li kellhom, nemmen li jaf jittieħed minna. U allura nitolbu bl-interċessjoni ta’ dawn ħutna, li llum qegħdin quddiem il-Mulej, qaddejja fidili, ġenerużi, biex iseħh fina dak li tlabna fis-Salm Responsorjali illum: Iħenn għalina Alla u jberikna, idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu, biex jingħarfu fuq l-art triqatek, fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek (S 67:2,3).
L-aħħar ħsieb tiegħi nixtieq naqsmu dwar kelma li qiegħda tintuża l-Indja bħalissa. Din iċ-ċelebrazzjoni parallela t’issa tgħaqqad lil Malta mal-Indja: empowerment. Il-Missjunarji tagħna marru f’ambjenti tribali fejn il-kelma, it-tagħlim tagħhom, il-preżenza tagħhom taw lill-popli għodda biex jiskopru id- dinjità tagħhom, u d-drittijiet tagħhom.
Il-Vanġelu ma kienx għodda ta’ kolonjaliżmu imma ta’ libertà. J’Alla wkoll aħna ngħixu l-Kelma ta’ Ġesù bħala kelma li tagħtina l-ħelsien veru, il-qawwa vera, il-kapaċità li ngħixu ħajjitna sat-tmiem tagħha. L-art tat il-frott tagħha, iberikna Alla, Alla tagħna, iberikna Alla u tibża’ minnu l-art kollha minn tarf għall-ieħor (S 67:7,8).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 6:5-17
Salm: 118(119):12,16,18,27,34,35
L-Evanġelju: Mk 10:1-12