L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
B’mod konkret, Ġesù iħares lejn il-kapaċitajiet tagħna llum u jistedinna biex insaffuhom. Jitkellem fuq il-ħarsa tagħna u fuq il-qalb tagħna. Il-ħarsa tagħna jixtieq isaffiha minn kull għamad. Ħafna drabi ma nibqgħux naraw ċar; il-ħarsa tagħna tiddallam minħabba r-rabja, minħabba l-preġudizzju, minħabba l-għira, minħabba l-ħażen ta’ qalbna. Il-Mulej Ġesù, qed jipprova jgħallimna li l-ħarsa tagħna fuqna nfusna u fuq xulxin ġejja mill-qalb tagħna, u tesprimi min aħna tassew.
L-istedina tiegħu hija li l-ħarsa tagħna tkun ħarsa ta’ verità: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor?” (Lq 6:39). Jekk aħna nagħmew —kif inħobbu ngħidu aħna l-Maltin stess— bir-rabja u bil-kattiverja għal xulxin, ma nibqgħux naraw ċar u ma nibqgħux nirraġunaw. Il-Mulej qed javżana li jekk l-għama ta’ kull tip ta’ ħażen mill-qalb tagħna tkisser l-ħarsa ħanina tagħna, naqgħu lkoll fil-ħofra. Din il-ħaġa narawha fuq livell mondjali meta l-preġudizzju, ir-regħba u l-kilba għall-poter, jagħmew lil bniedem u ma jibqax kapaċi jara d-dinjità ta’ ħaddieħor u jirrispetta libertajiet ta’ ħaddieħor.
Imma m’hemmx għalfejn imorru ’l bogħod, l-aħwa, ejjew nibdew minna nfusna. Għax din hija l-istedina li għamlilna l-Mulej meta jkellimna fuq il-ħarsa tagħna fuq xulxin. “Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnejk int?” (Lq 6:41). Ġesù qed jgħidilna sabiex qabel tħares lejn ħuk jew oħtok, ħares lejk innifsek. Jekk inti qed titkaża, tiskanta, tilmenta fuq il-ħażen u d-dgħufija ta’ ħutek, għandek il-kuraġġ tħares lejk innifsek u tara x’hemm fil-fond ta’ qalbek? Allura, il-Mulej mhux qed jgħidilna biex ma nikkoreġux lil xulxin jew biex ma ngħidux kelma ta’ ġid, imma qed ifehmna li meta jkollna l-għerf, l-għaqal u l-umiltà li nħarsu lejna nfusna b’onestà, il-ħarsa tagħna fuq ħaddieħor tkun iżjed preċiża u ta’ għajnuna. “Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk” (Lq 6:42). Qed jgħidlek biex tgħin lil ħuk u lil oħtok jneħħu t-tibna mill-ħarsa tagħhom; imma qabel xejn, neħħi t-travu minn għajnejk. Agħmel, allura, li l-ħarsa tiegħek tkun sabiħa, tkun vera, tkun mimlija b’dik il-ħniena u b’dak l-għerf li bihom trid li ħaddieħor iħares lejk.
Ġesù jagħtina wkoll kriterju ieħor ta’ għażla u dixxerniment. Il-kelma ‘dixxerniment’ tfisser proprju li tagħżel u tgħarbel biex imbagħad tieħu deċiżjoni u tiddeċiedi. Il-kriterju tal-frott: u din il-ħaġa napplikawha għar-relazzjonijiet ta’ bejnietna qabel nieħdu deċiżjonijiet importanti jew inkella biex nagħmlu valutazzjoni u ġudizzju fuq dak li għamilna jew li għaddejna minnu. Eżempju, x’qed issarraf ir-relazzjoni li qiegħed fiha? X’inhu l-frott tagħha? Il-vjolenza, ir-rabja, l-aggressjoni, jew il-paċi, l-imħabba u l-ħniena? Dawn huma l-frott li jindikaw u jinnutaw siġra tajba. Il-Mulej qed jistedinna biex meta niġġudikaw, nagħżlu u niddixxernu, ma nħarsux biss lejn dak li mingħalina komdu, imma lejn il-frott. Il-kelma tiegħu, allura, twassalna lejn il-qalb.
L-istedina tiegħi hi li waqt li Ġesù qed jgħallimna kif inħarsu u nitkellmu fuq xulxin, tajjeb li fil-kultura tagħna nagħmlu eżami, dixxerniment, ta’ kif qegħdin nużaw il-midja soċjali. Ħafna drabi wara l-smartphones u l-monitors tagħna, faċli nfaqqgħu ġudizzji ibsin fuq xulxin, jew inkella nxerrdu kalunji u malafama fuq xulxin. Allura, dan id-diskors tal-Evanġelju tal-lum japplika wkoll kif aħna nitkellmu u nesprimu lilna nfusna fuq xulxin anke fuq il-midja soċjali. L-istedina tiegħi llum hija li qabel nagħfsu ‘send’ ta’ dik il-post, jew messaġġ, nieqfu u ngħidu: ‘qabel ngħid li f’għajn ħija jew oħti hemm tibna, it-travu li hemm f’għajnejja rajtu?’ Hemm xi preġudizzju, rabja jew għira li qed imexxuni? Għax dak huwa travu li l-ħarsa tiegħi jfixkilha. Inti tista’ tara sew jekk għandek travu f’għajnejk? Le! Allura, il-Kelma tal-Mulej ma tfissirx li qabel tħares lejn id-dinja, lejn il-proxxmu, lejn is-sitwazzjoni, teżamina lilek innifsek u tgħid: jiena qiegħed nara ċar, għandi l-informazzjoni kollha? Nista’ tassew niġġudika lill-proxxmu tiegħi f’sitwazzjoni li forsi fuqha jiena m’iniex infurmat sew?
Forsi l-mistoqsija fundamentali hi: b’dak li qed nagħmel, xi frott qiegħed infittex? Għax jekk il-frott li qiegħed infittex huwa l-inkejja, ir-rabja u l-kattiverja, allura qalbek hija mħassra. Il-Mulej jixtieqek tfittex frott bnin li jibqa’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 27:5-8
Salm: 91(92):2-3,13-14,15-16
Qari II: 1 Kor 15:54-58
L-Evanġelju: Lq 6:39-45