Is-soru Franġiskana tal-Qalb ta’ Ġesù Matlene Hatalan Farrugia stqarret li ommha għall-bidu ma aċċettatx li hi kienet dieħla soru tant li għamlet sena ma tkellimhiex. Spjegat li dan seħħ għax ommha ma setgħetx tifhem x’se jġib miegħu pass bħal dan aktar milli għax hi kienet kontra d-deċiżjoni tagħha.

Waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103, Sr Matlene qalet li fi kliem ommha kienet se taħli ħajjitha. Hi kienet l-ewwel waħda fil-familja tagħha li għamlet dan il-pass. Illum il-ġurnata s-sitwazzjoni hi ferm differenti u din l-omm kuntenta mmens għall-pass li għamlet bintha snin ilu. Illum Sr Matlene hija wkoll l-Assistent Kap fl-Iskola tal-Knisja St Francis.

“Qatt ma kelli ħsieb insir soru” stqarret waqt li kompliet tirrakkonta li kellha bosta relazzjonijiet imma baqgħet tħoss ħajjitha vojta li eventwalment dal-vojt imtela’ bil-preżenza ta’ Alla.

F’dan il-programm bi preżentazzjoni ta’ Christine Delicata ħa sehem ukoll il-Patri Franġiskan Fr William Bartolo f’diskussjoni dwar il-vokazzjonijiet, jum wara li ġie ċċelebrat Jum il-Konsagrazzjoni. Il-Ħadd li għadda seħħ ukoll il-Ġublew tar-Reliġjużi bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tat-Tama li l-Knisja Kattolika qed tagħmel matul din is-sena ta’ tama u ta’ ħniena.

L-intervista tibda fit-tielet siegħa ta’ dan il-programm:

Sr Matlene sservi wkoll permezz tal-kant, u spjegat li ilha tkanta mindu kellha ħames snin. Meta daħlet il-Junior College, kienet iffurmat band ma’ sħabha bl-isem ta’ ‘Stagecraft’. Meta kontra qalbha kellha toħroġ minn din il-band sħabha kienu sorpriżi għax ma kellhomx idea li qed tfittex esperjenzi differenti mas-sorijiet biex tiskopri x’kienet is-sejħa tagħha.

Fr William enfasizza li huma l-Franġiskani disponibbli għal kollox u semma kif għamel 10 snin jaħdem maż-żgħażagħ, żgħażagħ li baqgħu grati lejn il-ħidma li saret magħhom fil-punt tal-formazzjoni. Kompla jgħid li kemm hu sabiħ meta nirreklamaw il-ġid li qed isir madwarna, b’Sr Matlene tagħmel stqarrija qawwija ħafna: “L-aħjar ħaġa li tista’ tiġri f’ħajti hi li ma jkolli xejn tiegħi”. L-attitudni “Xejn tiegħi. Kollox tiegħi” għaliex temmen li l-Mulej f’din il-libertà li hu jagħtina, libertà li trid tintuża b’libertà juri l-providenza tiegħu u li tkun kapaċi ma torbot qalbek ma’ xejn għaliex kollox huwa rigal.

Mistoqsija dwar l-użu tal-midja soċjali Sr Matlene qalet li hi tużaha biex twassal ħsieb pożittiv li jkompli jiżra’ ż-żerriegħa tal-fidi filwaqt li tibqa’ aġġornata maż-żminijiet biex tkun konxja taż-żgħażagħ u r-realtajiet tal-istudenti tagħha li tfittex li tkun tafhom b’isimhom.

Fr William għalaq billi qal li hemm ħafna pożittiv fil-ħajja reliġjuża, u kollox jibda minn tbissima u li bniedem juri li lest li jisma’ lil ħaddiehor.

Minn Gabriel Lia

Sors: Newsbook Malta