Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-Provinċja Agostinjana Maltija se tiċċelebra l-125 sena mill-kanonizzazzjoni tal-qaddisa Agostinjana Santa Rita mil-Papa Ljun XIII fis-sena tal-Ġublew il-Kbir tal-1900. Santa Rita hi qaddisa popolari għall-interċessjoni tagħha quddiem Alla fil-każijiet l-aktar diffiċli u li jidhru impossibli. Fid-diversi stati ta’ ħajjitha, Santa Rita kienet mara b’fiduċja kbira fil-Mulej, fl-eżempju tagħha ta’ tama u paċi, bħala żagħżugħa, mara miżżewwġa, omm, armla u anke reliġjuża.

Fl-ewwel Ħamis ta’ Devozzjoni, nhar il-Ħamis 30 ta’ Jannar, se tiġi ċċelebrata quddiesa mmexxija mill-Provinċjal Patri Leslie Gatt fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta fid-9:30am u fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex fis-6pm. It-tradizzjoni tal-Ħmistax il-Ħamis ta’ Santa Rita li jwasslu sal-Festa tagħha, u li jiġu ċċelebrati fil-Knejjes kollha Agostinjani, hija marbuta mal-15-il sena li matulhom Santa Rita ġarret fi ġbinha x-xewka li rċeviet mingħand Kristu msallab.

Dakinhar tal-festa, nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, ċentru nazzjonali tad-devozzjoni lejha, u wara jkun hemm pellegrinaġġ bl-istatwa devota ta’ Santa Rita fit-toroq tal-Belt Valletta. Il-Knisja ta’ Santu Wistin hija wkoll waħda mill-knejjes magħżula biex fihom tista’ tinkiseb l-indulġenza plenarja matul din is-sena tal-Ġublew 2025. Fl-istess jum tal-festa, ċelebrazzjoni simili bil-pellegrinaġġ bl-istatwa tal-qaddisa se ssir ukoll fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex.

Nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju, li hu l-jum li fih Santa Rita kienet kanonizzata 125 sena ilu, se ssir ċelebrazzjoni fil-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat Malta u wara pellegrinaġġ fit-toroq tal-madwar. Din il-festa tiġi ċċelebrata wkoll f’kull Knisja Agostinjana fi ġranet differenti.

Għal din l-okkażjoni, qed jiġi organizzat ukoll pellegrinaġġ għal Cascia, fejn għexet Santa Rita u fejn huma vvenerati l-fdalijiet tagħha, bejn id-19 u t-23 ta’ Marzu li ġej. Dan il-pellegrinaġġ jinkludi ukoll żjajjar f’Ruma, Assisi u Loreto. Dawk li huma interessati jistgħu jikkuntattjaw lis-Sur Lawrence Sciberras 79262249, lis-Sur Francis Masini 79054697, jew lil Patri Adeodato Schembri 99475794.