L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir” (Lq 2:10). F’dan il-lejl qaddis tal-Milied, l-istedina ta’ din it-tarbija ċkejkna hi biex aħna ma nibżgħux. Jista’ jkun li fid-dinja, fil-ħajja tagħna, hemm ħafna affarijiet li jafu jbeżgħuna, iħawduna, jinkwetawna. Illum il-Mulej, waqt li jistedinna nħarsu lejn ibnu mwieled tarbija, permezz tal-anġlu jgħidilna: “Tibżgħux”.
Imma għaliex m’għandniex nibżgħu, aħna li nisimgħu l-aħbarijiet; nisimgħu dwar gwerer, epidemiji, vjolenza, qtil; għaliex m’għandniex nibżgħu? Ir-risposta jagħtihilna l-anġlu stess. “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir” (Lq 2:10). Hu l-ferħ li l-Mulej jippreżentalna bħala antidotu, bħala risposta għall-biża’ li jnikkitna, iħawwadna u jgerfixna. Dan hu ferħ għall-poplu kollu. U minn fejn ġej dan il-ferħ? “Illum tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2:11). Dawn huma titli qawwija ħafna: ‘Salvatur’, ‘Messija’, ‘Mulej’. Huma titli ta’ setgħa, ta’ kobor; u forsi mdorrijin nassoċjawhom mal-arroganza tal-poter, mal-qawwa tal-armi.
Imma x’inhu s-sinjal tas-Salvatur, tal-Messija, tal-Mulej? “Bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Is-sinjal ta’ tarbija ċkejkna, dipendenti minn kulħadd, bla ebda titlu ta’ arroganza jew kobor ta’ din id-dinja. Ikun is-sinjal għalina, li twieled Salvatur, Messija, u Mulej. U din it-tarbija, imfisqija minn ommha, turiha ta’ mħabba u protezzjoni; hi mimduda f’maxtura. Il-maxtura tal-annimali, li minnha jmaxtru, li minnha jieklu; u li minnha ħadna l-kelma ‘presepju’. Għax ‘maxtura’ bil-Latin hi ‘presepium’. Din il-maxtura, turina li din it-tarbija, għad tgħid fuqha nnifisha: ‘Dan hu ġismi’; ‘Dan hu demmi’. “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6:56)
Din hi t-tarbija li twieldet fil-belt tal-ħobż – Betlehem. Din hi t-tarbija li tqiegħdet f’maxtura, donnha biex tgħidilna: jiena kollni tiegħek, int se tkun kollok tiegħi? U għaliex għandna bżonn nagħtu qalbna lil din it-tarbija? Biex timliena bil-ferħ tagħha; tkeċċi minn qalbna l-biża’, l-inkwiet, it-tensjoni. Wara kollox, din it-tarbija ċkejkna, hi tassew is-Salvatur, il-Messija, il-Mulej.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
Qari II: Lhud 1:1-6
L-Evanġelju: Ġw 1:1-18