Photo: Unsplash

Il-Ħadd li għadda kien il-Jum Assoċjat mal-Fqar, u f’Malta l-faqar ġerħa daqskemm hu ġerħa f’pajjiżi oħra żviluppati anke jekk forsi hawn min jaħseb li kollox ward u żahar.

Waqt What’s On Newsbook fuq RTK103 tkellimna ma’ Miriam Grech, family support worker mal-Fondazzjoni Santa Antida f’Ħal Tarxien. Din il-fondazzjoni tgħin lill-familji vulnerabbli permezz ta’ erba’ ħaddiema soċjali u għajnuna strutturata. Huma jgħinu lill-familja kollha b’mod olistiku mhux l-individwu biss li jitlob l-għajnuna.

Mistoqsija dwar ir-realtà ta’ faqar hi qalet li huma jgħinu 60 familja li ma jkollhomx biex jipprovdu l-lunches tat-tfal għaldaqstant barra t-tfal ikunu qed jibqgħu bil-ġuħ jibdew ifallulhom l-iskola għax jibżgħu li dawn se jittieħdu minn taħt il-kura tal-ġenituri. Nhar ta’ Tlieta huma jipprovdu l-ingredjenti bażiċi lil dawn il-ġenituri biex jippreparaw il-lunches. Semmiet li ż-żieda fl-għoli tal-kirjiet qed tħalli impatt kbir fuq ħafna familji.

Hi fakkret il-kliem tal-Evanġelju li fiha Ġesù jgħid li dak li nagħmlu mal-iżgħar fostna nkunu qegħdin nagħmluh. Tkellmet ukoll dwar kemm hi kbira l-providenza tal-Mulej kemm għar-riżorsi kif ukoll għall-finanzi għax huma jġibu fondi għat-terapija tat-tfal, pereżempju tfal li jkunu esperjenzaw episodji li fihom fil-familja kien hemm vjolenza domestika.

Nhar l-24 ta’ Novembru din il-fondazzjoni f’Ħal Tarxien se tkun qed tagħmel open-day b’ħafna attivitajiet, anke għat-tfal, ikun hemm għal bejgħ oġġetti magħmulin bl-idejn u wieħed ikun jista’ jara l-ħidma li ssir.

Għalqet billi enfasizzat li huma dejjem jaraw id-dinjità tal-persuna.

Source: Newsbook.com.mt