L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” (Mt 14:27). Nixtieq li din il-kelma li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu llum, fl-Evanġelju skont San Mattew, aħna nżommuha dejjem f’qalbna; u tkun hi li tmexxina fil-ħajja tagħna – din il-fiduċja sħiħa li Ġesù lilna jagħmlilna dejjem il-kuraġġ, jgħinna biex negħlbu l-biża’ fil-ħajja tagħna.

Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja sabiħa li smajna fl-Evanġelju llum, fejn l-ewwel nett lil Ġesù narawh jitlob. L-Evanġelju jgħid li wara li bagħat lin-nies “tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob” (Mt 14:23). Lil Ġesù narawh f’mumenti differenti tal-ħajja jitlob waħdu fis-skiet. U hawnhekk jgħid li “xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu” (Mt 14:23). Għalih it-talb kien tant importanti. Ma kienx talb iġri u ġerri, jew talb sempliċiment għax jgħid ħafna. Imma talb waħdu fis-skiet u fit-tul. Hawn diġà għandna messaġġ sabiħ għall-ħajja tagħna: kemm hu importanti għalina t-talb. It-talb mhux ħin mitluf, anzi hu ħin prezzjuż. Dan it-talb fis-skiet, anke f’ċertu tul, waħedna ma’ Alla – bħalma Ġesù kien waħdu – lilna jagħmlilna ħafna ġid.

Waqt li Ġesù kien qed jitlob, id-dixxipli tiegħu kienu fuq dgħajsa. L-Evanġelju jgħid li kienet “f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ” (Mt 14:24) għax kellha r-riħ kontra. Id-dixxipli kienu hemmhekk f’din is-sitwazzjoni diffiċli. U hemmhekk raw xi ħadd ġej, ħasbuh fantażma, imma, kif rajna fl-Evanġelju, fil-fatt kien Ġesù. Meta huma qabdu jgħajtu bil-biża’, qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” Rajna f’dil-ġrajja kif Pietru, li ħafna drabi huwa hu li jitkellem l-ewwel, qallu: jekk huwa int, ħa niġi sa fejnek. Meta Ġesù qallu “ejja” (Mt 14:29), Pietru beda miexi lejh. Imma l-Evanġelju jgħid li “meta ra li r-riħ kien qawwi, beża’, u ħabat jegħreq” (Mt 14:30).

Kemm hu importanti għalina t-talb. It-talb mhux ħin mitluf, anzi hu ħin prezzjuż. Dan it-talb fis-skiet, anke f’ċertu tul, waħedna ma’ Alla – bħalma Ġesù kien waħdu – lilna jagħmlilna ħafna ġid

Il-mument li Pietru tefa’ ħarstu fuq Ġesù, beda miexi lejh. Il-mument li neħħa ħarstu minn fuq Ġesù, u beda jħares lejn il-baħar qawwi bir-riħ, beda nieżel ’l isfel. Il-mument li kellu fiduċja f’Ġesù, beda riesaq lejh. Il-mument meta nħakem mill-biża’, beda nieżel ’l isfel. Hemmhekk għandna mbagħad dik it-talba sabiħa li għamel Pietru, meta jgħidlu: “Salvani, Mulej!” (Mt 14:30). U jsib l-id ta’ Ġesù li terfgħu; ma tħallihx jinżel imma terfgħu, u Ġesù jgħidlu biex ma jiddubitax imma jkollu fidi sħiħa fih.

Din il-ġrajja kienet importanti ħafna għad-dixxipli u għall-ewwel Insara, għax l-ewwel Insara kienu jħabbtu wiċċhom ma’ ħafna diffikultajiet, mhux biss personali imma wkoll biex jgħixu l-fidi tagħhom fis-soċjetà. Kienu jaraw f’din il-ġrajja l-kuraġġ li jagħmlilhom Ġesù: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” U kienu jiftakru xi ħaġa importanti ħafna għalina wkoll illum: li meta aħna nqiegħdu l-ħarsa tagħna fuq Ġesù, u niftakru li hu s-Salvatur tagħna, hemmhekk jagħtina l-qawwa biex nimxu ’l quddiem u negħlbu d-diffikultajiet tal-ħajja – dak ifisser li timxi fuq il-baħar. Imma jekk aħna nneħħu l-ħarsa tagħna minn fuq Ġesù, u nintrikbu minn ħafna biża’ jew preokkupazzjonijet u nibqgħu hemmhekk, tassew nibdew inħossuna neżlin, qed negħrqu, maħkumin mid-diffikultajiet, mill-problemi, mill-iebes tal-ħajja. Meta nħossuna hekk, tajjeb li nagħmlu dik it-talba sabiħa ta’ Pietru: “Salvani, Mulej”. Għax il-Mulej qatt ma jħallina waħedna. Hawnhekk, meta nħarsu lejn din il-ġrajja, hawn ix-xbieha sabiħa tal-id li Ġesù jqiegħed biex jerfagħna, l-id li lilna teħlisna mid-diffikultajiet u ma tħalliniex nintrikbu mill-iebes tal-ħajja għax nafu li hu li jsalvana, huwa hu li jgħinna biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna.

Għalhekk, tajjeb li nagħmlu din it-talba llum lill-Mulej biex aħna, l-ewwel nett, inkunu bħalu nies ta’ talb, u t-talb ikun prezzjuż għall-ħajja tagħna; imbagħad, ukoll, li dejjem inqiegħdu l-fiduċja tagħna fih: hu s-Salvatur tagħna. U meta nħossuna tant maħkumin mill-biża’, mid-dwejjaq, mid-diffikultajiet tal-ħajja, inqiegħdu l-id tagħna fl-id tiegħu għax nafu li hu jerfagħna, li hu jgħinna, biex dak li nħabbtu wiċċna miegħu ma jniżżilniex ’l isfel, imma jgħinna biex nimxu ’l quddiem. Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja li l-id tagħna tkun dejjem fl-id tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju