L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħtina din il-parabbola pjuttost iebsa, bħala risposta għal qal xi ħadd: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla” (Lq 14:15). Din hija xi ħaġa li tfakkarna f’dak li ngħidu qabel nitqarbnu: “Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Mulej”.
Ma’ din il-Beatitudni tgħallimna nżewġu kliem iċ-Ċentirjun: “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; iżda int għid kelma waħda” (Mt 8:8) u ruħi tkun imfejqa. Iż-żewġ talbiet huma essenzjali u jiddisponuna biex nifirħu bl-istedina li nieklu l-ħobż fis-Saltna ta’ Alla; imma li wkoll nuru disponibbiltà għall-istedina tal-Mulej: “Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop” (Lq 14:21). Aħna ninsabu f’dawn il-kategoriji. Il-Mulej qed jistieden lilna l-foqra, il-magħtuba minħabba d-dnubiet tagħna, l-għomja minħabba l-preġudizzji tagħna u lilna li aħna inkapaċi nimxu fit-triq tal-Evanġelju; imma aħna mistednin.
“Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa’” (Lq 14:22). Ejjew nitolbu li għall-ikla tal-Mulej, jibqa’ jkun hemm dejjem il-wisa’. “Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi, u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela” (Lq 14:23). Il-Mulej kif iġegħelna nidħlu? Dan huwa misteru kbir li f’ħin minnhom it-tielet stedina kważi għandha qawwa kbira: “Ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela” (Lq 14:23). Din hija l-qawwa kbira tal-ħniena ta’ Alla; Alla li jagħmel minn kollox biex aħna nilqgħu l-istedina tiegħu. Imma l-Mulej jirrispetta anke lil min jirrifjuta l-istedina tiegħu, jirrispetta anke l-konsegwenza tal-għażla tiegħu.
Għal ħutna l-mejtin li aħna llum qegħdin noffru l-quddiesa, nitolbu l-grazzja li qegħdin igawdu l-Ikla tas-Saltna. Tant saċerdoti li qassmu l-Ikel Imqaddes tal-Ewkaristija lill-poplu tagħna; tant reliġjużi li qassmu l-Ikla tal-Imħabba fis-servizz tagħhom, fil-missjonijiet, fl-oqsma kollha tal-appostolat skont il-kariżma tagħhom. Il-Mulej iħares lejhom bi ħniena, u jilqagħhom għall-ikla, “fejn jieklu l-ħobż fis-Saltna ta’ Alla” (Lq 14:15).
Agħtihom o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Fil 2:5-11
Salm: 21 (22), 26b-27.28-30a.31-32
L-Evanġelju: Lq 14:15-24