Ktieb tajjeb jiftaħ il-moħħ, iqanqal il-qalb, u jippreparana għall-ħajja, jikteb il-Papa Franġisku f’ittra lil dawk li qed jitħejjew għas-saċerdozju, waqt li jżid li l-operaturi pastorali u l-Insara kollha japprezzaw “il-qari ta’ rumanzi u poeżiji bħala parti mit-triq tal-maturità personali”.
B’din l-ittra tiegħu fuq ir-rwol tal-letteratura fil-formazzjoni, miktuba fis-17 ta’ Lulju u ppubblikata l-Ħadd, il-Papa Franġisku jixtieq iħeġġeġ għal “imħabba ġdida għall-qari” u fuq kollox “jipproponi bidla radikali fir-rotta” tat-tħejjija tal-kandidati għas-saċerdozju, biex jingħata iktar lok għall-qari ta’ opri letterarji. Għax il-letteratura tista’ teduka “l-qlub u l-imħuħ tar-ragħajja” għat-“tħaddim ħieles u umli tal-użu tar-raġuni tagħna” u għal “għarfien effettiv tal-firxa wiesgħa ta’ lingwaġġi umani”, u hekk twessa’ s-sensibbiltà umana u twassal għal ftuħ spiritwali ikbar.
Fuq kollox, xogħol min jemmen, u tas-saċerdoti b’mod partikulari, hu li jmissu l-qlub tan-nies ta’ żmienna biex jistgħu jitqanqlu u jinfetħu quddiem il-proklamazzjoni tal-Mulej Ġesù, u f’dan kollu “s-sehem li l-letteratura u l-poeżija jistgħu joffru hu ta’ valur inkomparabbli”.
Il-ġid tal-qari
Fl-ittra tiegħu l-Papa Franġisku jenfasizza qabelxejn fuq l-effetti tajbin ta’ ktieb tajjeb li jista’ “jipprovdi oasi li tipproteġina minn għażliet oħra li huma inqas ta’ ġid għalina”, u meta nkunu “f’mumenti ta’ għeja, rabja, diżappunt jew falliment, meta t-talb innifsu ma jgħinniex insibu s-serenità ġewwa fina”, dan jista’ jgħinna nvinċu f’mumenti ibsin u “nsibu l-paċi tal-qalb”.
In-nies kienet tħobb tiddedika ħin aktar ta’ spiss għall-qari, “qabel daħal il-mod preżenti kif esponejna ruħna għall-media soċjali, il-mobiles u apparat ieħor”, josserva l-Papa, li jinnota li fi prodott awdjoviżiv, għalkemm iktar sħiħ, “il-ħin allokat biex wieħed ‘jagħni’ n-narrattiva jew jesplora s-sinifikat tagħha normalment hu pjuttost ristrett”, waqt li meta jaqra ktieb il-qarrej hu ħafna iżjed attiv. Xogħol letterarju hu “test ħaj u li dejjem joħroġ frott minnu”.
Fil-fatt, jiġri li fil-qari, il-qarrej jistagħna b’dak li jirċievi mill-awtur, u dan jgħinu biex ikabbar l-għana tal-istess persuna tiegħu.
Ħin iddedikat għal-letteratura
Waqt li hu pożittiv li “xi seminarji rreaġixxew għall-ossessjoni tal-‘iskrins’ u tal-fake news tossiċi, superfiċjali u vjolenti, billi ddedikaw ħin u attenzjoni għal-letteratura”, għall-qari u għad-diskussjoni dwar kotba, qodma jew ġodda, li għandhom ħafna x’joffru, il-Papa Franġisku jagħraf li b’mod ġenerali dawk li qegħdin fil-formazzjoni għall-ministeru ordnat jaf ma jkollhomx biżżejjed ħin x’jiddedikaw għal-letteratura, li xi drabi hi meqjusa bħala “‘arti minuri’ li ma hemmx bżonnha fl-edukazzjoni tas-saċerdoti futuri u l-preparazzjoni tagħhom għall-ministeru pastorali”.
“Dan mhux approċċ tajjeb”, jgħid il-Papa, u jista’ jwassal għal “ftaqir serju intellettwali u spiritwali tas-saċerdoti futuri”, li hekk ma jkollhomx “dak l-aċċess ipprivileġġjat li l-letteratura tagħti għall-istess qalba tal-kultura umana u, b’mod iktar speċifiku, għall-qalb ta’ kull individwu”. Għax, fil-prattika, il-letteratura għandha x’taqsam ma’ dak li kull wieħed minna jixtieq mill-ħajja, jikteb il-Papa, u tidħol f’relazzjoni intima mal-eżistenza konkreta tagħna u t-tensjonijiet, ix-xewqat u t-tifsiriet kollha tagħha.
Il-laqgħa ma’ Ġesù
Biex “iwieġbu b’mod adegwat għall-għatx ta’ ħafna persuni għal Alla, li ma jmorrux jippruvaw jissodisfawh b’soluzzjonijiet aljenanti jew b’Ġesù maqtugħ mir-realtà”, dawk li jemmnu u s-saċerdoti, fix-xandir tal-Vanġelu, għandhom jitħabtu biex “kulħadd ikun jista’ jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu li ħa l-ġisem, sar bniedem, sar storja”. Wieħed ma għandux jinsa li Ġesù Kristu sar “ġisem”, jirrakkomanda l-Papa, “dak il-ġisem magħmul minn passjonijiet, emozzjonijiet u sentimenti, kliem li jisfida u jfarraġ, idejn li jmissu u jfejqu, ħarsiet li jeħilsu u jqawwu l-qalb, ġisem magħmul minn ospitalità, maħfra, rabja, kuraġġ, qlubija; f’kelma waħda, imħabba”.
Għal din ir-raġuni, il-Papa Franġisku jisħaq li “l-familjarità mal-letteratura tista’ tagħmel mis-saċerdoti futuri u l-operaturi pastorali kollha persuni iktar sensittivi għall-umanità sħiħa tal-Mulej Ġesù, li fiha d-divinità tiegħu hi preżenti b’mod sħiħ”.
Source: Newsbook.com.mt