L-Arċisqof Charles Scicluna jinawgura u jbierek Dar San Franġisk, ir-raba’ dar fil-komunità fiż-Żejtun għall-persuni b’diżabilità mmexxija mill-Fondazzjoni Nazareth. Attendew ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Abela, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fost l-oħrajn.
Is-serata bdiet b’quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla mmexxija mill-Arċisqof Scicluna fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun. Miegħu kkonċelebraw Dun Anġ Seychell, il-fundatur ta’ Fondazzjoni Nazareth; Dun Martin Micallef, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija; Dun Anton Galea-Scannura u Dun Bernard Micallef, Kappillan u Viċi Kappillan tal-parroċċa taż-Żejtun; u Dun Michael Galea, Direttur ta’ Fondazzjoni Arka f’Għawdex.
Fil-messaġġ tiegħu tal-inawgurazzjoni, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li Dar San Franġisk hi xhieda ta’ eżempju ħaj ta’ mħabba konkreta li d-dinja tal-lum tant għandha bżonn.
Huwa sellem lil Dun Anġ Seychell tal-ħidma qatigħ tiegħu mal-persuni fil-bżonn fis-soċjetà. “Dun Anġ, nawgura li l-ħolm tiegħek ikompli jseħħ. Nirringrazzjak tax-xhieda konkreta tiegħek u talli s-saċerdozju tiegħek qattajtu fost il-poplu. Din hi xhieda ta’ mħabba li tgħaddi mill-kliem għall-fatti.”
L-Arċisqof qal li din ir-raba’ dar ta’ Fondazzjoni Nazareth qed tiċċelebra l-ispirtu tal-familja “fejn kulħadd iħossu milqugħ, rispettat u jagħmel l-esperjeza tal-għozza. F’dan l-ambjent kulħadd ikollu tama ta’ futur sigur għax hemm min jieħu ħsiebu”.