L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għażiż Mons. Evan, inti u tilqa’ din il-missjoni l-ġdida tiegħek bħala ragħaj ta’ din il-komunità antika, imma fl-istess ħin ġdida, mimlija tama u ħeġġa, nitolbok li tieħu ħsieb li l-kews tiegħek, il-musbieħ tiegħek, ikollu ż-żejt għax trid twassal lil din il-ġemgħa biex tilqa’ lill-Għarus li jiġi, jiġi żgur, imma ma nafux meta, bħalma jgħidilna Hu: Tassew, ngħidilkom, jiġi meta ma tistennewhx, “għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Mt 25:13).

Biex ngħidu hekk, dik li Santu Wistin semma bħala ‘injoranza għarfa’ (docta ignorantia) – li ma nafux meta, imma għandna ċertezza li ġej; il-Mulej ġej, ma nafux meta. Allura hemm xi ħaġa li ma nafux, imma hemm xi ħaġa li nafu. L-istedina tal-Mulej hija li nishru, u li aħna ħajjitna tkun ippreparata. Inti llum wassluk l-iScouts, u l-motto tagħhom hu: ‘Be prepared’; kunu mħejjija.

Forsi għalhekk għamilt din l-għażla imma ħudha wkoll bħala sinjal tal-providenza. Anke l-Evanġelju li qed jinqara fil-pussess tiegħek illum, monsinjur, ħu ħsieb li jkun ukoll profezija programmata fuqek u fuq il-komunità. Intom tridu tkunu bħal dawk ix-xebbiet għaqlin – bluha għandna biżżejjed fid-dinja, m’għandniex għalfejn inżidu magħha – li l-kwies tagħhom mimlijin biż-żejt, li l-musbieħ tagħhom mimli.

Dalgħodu fl-Angelus, il-Papa spjegalna b’mod profond sinifikat sabiħ ta’ din it-tixbiha. Qalilna: Ġesù qed jgħidilna li l-musbieħ sabiħ imma mhux biżżejjed; irid ikollu ż-żejt fih. Inti jista’ jkollok ħajja li tidher sabiħa minn barra, imma l-ispirtu li hemm ġo fik, x’inhu? Hu l-ispirtu tal-imħabba, l-ispirtu ta’ Ġesù.

Iż-żejt hu element li Ġesù u s-sagramenti tal-Knisja mwaqqfa minn Ġesù jużaw u jagħtuh qawwa speċjali. F’Ħamis ix-Xirka, l-isqof jikkonsagra ż-żjut: iż-żejt tal-katekumeni, li aħna nindilku bih biex iqawwina fit-tislita, fil-ġlieda kontinwa kontra s-setgħat tal-ħażen. Għalhekk nidilku s-sider tal-katekumeni, jew is-sider tat-tarbija, proprju qabel il-magħmudija. Dik id-dilka mhix ta’ dakinhar biss; hi dilka qaddisa li tagħtina qawwa spiritwali kontra l-qawwiet tal-ħażen. L-isqof, f’Ħamis ix-Xirka, jikkonsagra wkoll iż-żejt tad-dilka tal-morda, għax dak iż-żejt jingħata l-qawwa tal-fejqan fiżiku u spiritwali. Għalhekk id-dilka tal-morda hi riservata għas-saċerdoti u l-isqfijiet, għax bid-dilka tal-morda, mhux biss jissaħħaħ il-ġisem, imma titfejjaq ir-ruħ, jinħafru d-dnubiet.  

U ż-żejt li jikkonsagra wkoll l-isqof, it-tielet wieħed, hu ż-żejt tal-Konsagrazzjoni, tal-Griżma, dak li ntuża mill-Arċisqof Mercieca fil-11 ta’ Lulju 1986; konna flimkien meta dilkilna jdejna biż-żejt tal-Griżma. Għażiż Mons. Evan, hu għamilna u kkonsagrana saċerdoti, bit-tqegħid tal-idejn u t-talba tal-Knisja. Imma ż-żejt tal-Konsagrazzjoni jintuża wkoll fil-magħmudija, fil-griżma tal-isqof; ikkonsagra wkoll dan it-tempju, ikkonsagra l-artal. Hu żejt qaddis, li l-elementi dgħajfin, li aħna aħna, jagħtihom lill-Mulej, joffrihomlu. Dan iż-żejt irid ikun iż-żejt li jsaħħaħ, li jfejjaq, li jikkonsagra; irid ikun dak li jimla l-musbieħ ta’ ħajtek, tal-ministeru tiegħek f’din il-komunità.

Kont qed nirrealizza, meta qrajna d-digriet tal-ħatra tiegħek u kien hemm il-lista tal-parroċċi fejn kont ragħaj, li l-Mulej dejjem bagħtek xi mkien iddedikat lill-Madonna. Bdejt bil-Gudja, imbagħad in-Naxxar u Ħaż-Żabbar, u issa hawnhekk. Imma inti bdejt minn Bormla, il-belt ikkonsagrata lit-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija. Dan hu messaġġ ukoll sabiħ għal ħajtek, għażiż Dun Evan. Il-Madonna qiegħda takkumpanjak, tħobbok u tixtieqlek kull ġid, bħalma tħobb u tixtieq il-ġid lil kull wieħed u waħda minna. Il-ġenituri għeżież tiegħek jinterċedu għalik mis-sema, biex inti hawnhekk f’din il-parroċċa, fejn qed jibagħtek l-isqof, fejn aċċettajt li tiġi b’disponibbiltà, b’ubbidjenza umli u eżemplari, il-Mulej ibiddel din id-disponibbiltà f’ħafna, ħafna ġid u grazzji.

Illum fuqek nitlob il-grazzja, li permezz tiegħek, il-Mulej iqanqal il-qlub taż-żgħażagħ tagħna, jaraw fik il-ferħ tas-saċerdot u tal-ħajja rżina, ta’ saċerdot li jħobb il-liturġija, li għandu l-ħin għall-poplu ta’ Alla, li jsellem lil kulħadd, li għandu qalbu f’idejh, li jgħidu: nixtieq inkun bħalu. Tkun grazzja kbira għalik u għalina, għal kull wieħed u kull waħda minna.

Imma nitolbu ħafna wkoll biex hawnhekk ikollok il-grazzja tbierek iż-żwieġ Nisrani ta’ ħafna żgħażagħ, li meta jagħżlu li jinħabbu, jagħżlu li jinħabbu għal dejjem ta’ vera, u jitolbu l-barka u l-konsagrazzjoni tal-Mulej. Jalla t-trabi li tgħammed jitilgħu fix-xbieha ta’ Ġesù, u l-morda li tidlek twassalhom għal-laqgħa mal-Għarus. Jalla wkoll it-tislima li tagħti lil tant minn ħutna li jkunu ltaqgħu ma’ Ġesù tkun sinjal ħaj tal-fidi tagħna f’Ġesù Rxoxt, li hu “t-Triq, il-Verità, u l-Ħajja” (Ġw 14:6).

“Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!” (Mt 25:6). Ejjew, bħala komunità, nilqgħu lil Ġesù fil-qalb tagħna, u nitolbu għall-kappillan il-ġdid, biex ikun hu li jiffaċilita u qatt ma jtellef il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù.

Awguri Monsinjur. Ad multos annos.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 6:12-16
Salm: 62 (63):2,3-4,5-6,7-8
Qari II: 1 Tes 4:13-18
L-Evanġelju: Mt 25:1-13

Aktar ritratti