Bdew ix-xogħlijiet ta’ restawr u l-konsolidazzjoni taħt l-art tal-kappella storika tal-Lunzjata, fiż-żona magħrufa bħala Tal-Għolja tas-Siġġiewi, b’investiment ta’madwar €1.4 miljun.
Din il-kappella qed tiffaċċja r-riskju imminenti ta’ kollass, primarjament minħabba sfidi ġeoloġiċi u ġeomorfoloġiċi assoċjati mat-terren sottostanti tagħha. Tant hu hekk li parti mis-saqaf diġà ċediet, u s-saqaf irid jinħatt qabel jibda x-xogħol, biex ikun evitat ir-riskju li jkompli jċedi, b’periklu għall-ħaddiema.
Il-Perit Ivana Farrugia mid-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni, spjegat li, l-ewwel prijorità f’dan il-proġett huwa li l-kappella jkollha sistema ta’ pedamenti strutturali taħt l-art komposta minn travi rinfurzati, munzelli u ankri sabiex jiġi evitat li jkun hemm saffi tal-ħamrija instabbli. Wara dan l-intervent ġeotekniku delikat, jibdew ix-xogħlijiet tar-restawr tal-istruttura tal-knisja.
Il-Kappella tal-Lunzjata għandha storja rikka, bil-kappella oriġinali tmur lura lejn l-aħħar tas-seklu 15. Matul is-sekli, din il-kappella għaddiet minn bosta tiswijiet, rikostruzzjonijiet parzjali, estensjonijiet u alterazzjonijiet.
Il-proġett huwa riżultat ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn id-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni u l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Wra li saru l-istudji kollha meħtieġa bil-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, dan l-intervent se jkun qed jibda minnufih u l-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tal-2024.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li l-għan ta’ dan ir-restawr hu wkoll li l-kappella terġa’ tibda tintuża. Spjega li x-xogħol ta’ restawr li hemm bżonn isir fuq l-kappella hu delikat, u se jsir wara li saru l-istudji ġeoloġiċi neċessarji madwar il-kappella, kif ukoll rapporti tekniċi dwar iċ-ċaqliq fil-blat.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici fisser dan il-proġett ta’ restawr u konsolidazzjoni bħala mument importanti fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali u storiku ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li r-restawr u l-preservazzjoni tal-wirt storiku lokali huma ta’ importanza kbira biex tinżamm l-identità ta’ pajjiżna kemm għall-ġenerazzjonijiet futuri kif ukoll għall-qasam ekonomiku u prodott turistiku b’saħħtu.
Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech esprima sodisfazzjon għal dan il-proġett li qal li permezz tiegħu se jippreserva dan is-sit li huwa ta’ importanza fl-istorja kulturali u patrimonjali tal-lokalità tas-Siġġiewi.
Source: Newsbook.com.mt