L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin” (Mt 25:2). Hekk jiddeskrivi Ġesù lil dawn l-għaxar xebbiet tal-parabbola. U mal-ewwel jurina li jrid jagħti messaġġ, meta jgħid li minn dawn l-għaxar xebbiet, ħamsa kienu boloh u ħamsa għaqlin.
Meta naqraw din il-parabbola, kultant l-ewwel ma jiġi f’moħħna hu: imma dawn ix-xebbiet li kellhom iż-żejt fil-kwies ma setgħux għenu lill-oħrajn li ma kellhomx, jagħtuhom xi ftit? Mhux att ta’ karità? Għax ma għenuhomx? Iktar u iktar meta aħna niftakru fit-tagħlim li kien jagħti Ġesù stess, u speċjalment il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Niftakru dik il-parabbola meta kien hemm wieħed li qabżu fuqu l-ħallelin u ħallewh għal mejjet, għaddew tnejn min-nies – il-qassis u l-levita – u baqgħu għaddejjin, ma tawx kasu. Imbagħad għadda wieħed Samaritan, waqaf, niżel biex jgħinu, u dewwielu l-ferita tiegħu biż-żejt u l-inbid. Dakinhar Ġesù faħħar lil dak li waqaf biex jgħin lil dak li kien fil-bżonn, u ġabu wkoll bħala eżempju f’kuntrast mat-tnejn l-oħra li baqgħu indifferenti. Allura hawn, ma setgħux għamlu naqra karità ma’ dawk li ma kellhomx iż-żejt fl-imsiebaħ tagħhom?
Din hija mistoqsija tajba. Imma tfakkarna li meta nisimgħu l-parabbola ta’ Ġesù, irridu nifhmu l-messaġġ li hu jrid jagħti, mhux infittxu fid-dettalji l-messaġġ li jiġina f’moħħna aħna. U hawn hu ċar. Hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq il-karità, li kemm-il darba enfasizza; imma hawn qed jgħid ħaġa importanti ħafna wkoll: li quddiem Alla, meta hu jsejħilna għal għandu, jien irrid inwieġeb għalija nnifsi, irrid nerfa’ r-responsabbiltà tiegħi. Quddiemu jien ma nistax inġib lil ħaddieħor jew nistaqsi lil ħaddieħor għalija.
Din hi importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Tfakkarna li aħna, kull wieħed u waħda minna, irridu nagħtu kont ta’ għemilna. Hemmhekk, meta Alla jsejjaħli għal għandu, ma nistax ngħidlu: “U l-ieħor ma għamilx agħar minni?”, “Għax ma tarax lil dak?”, “Jien kont imġiegħel nagħmel hekk!”, jew inkella tipprova ġġib lil xi ħaddieħor jaqbeż għalik. Int trid twieġeb għall-għemil tiegħek. Aħna, kull wieħed u waħda minna, irridu nerfgħu dir-responsabbiltà tagħna nfusna. Dan hu l-messaġġ li qed jagħti hawnhekk Ġesù. Meta jsemmi ż-żejt fil-kwies, ifisser l-għemil it-tajjeb li joħroġ frott tal-fidi tagħna. Il-fidi mhijiex faċċata biss, qisu musbieħ bla żejt; imma l-fidi turi ruħha fl-għemil, u għalhekk iż-żejt fil-kwies hu dak li nistgħu nippreżentaw quddiem Alla, jiġifieri l-fidi li turi ruħha fl-għemil ta’ mħabba lejh u lejn l-oħrajn.
Dan hu li jenfasizza Ġesù hawn, anke f’dan id-diskors li kien diġà beda. Fil-fatt, qabel din is-silta, għandna l-enfasi li jagħmel Ġesù fuq li nishru, u li aħna nkunu qaddejja li ngħixu b’fedeltà u b’għaqal. Jgħid: “Ħieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru” (Mt 24:46). L-għaqal – hawn proprju qed jitkellem fuq dawk li kienu għaqlin. U dan hu li jrid jagħti bħala messaġġ lilna llum: li aħna nkunu tassew għaqlin. Il-fidi tagħna ngħixuha, u turi ruħha bl-għemil it-tajjeb li nagħmlu, li jkun għemil kollu mħabba lejh u lejn l-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej illum din il-grazzja li jkollna tassew iż-żejt fil-musbieħ tagħna – jiġifieri l-fidi li turi ruħha fl-għemil it-tajjeb li jagħmel il-ġid, għemil mimli mħabba lejh u lejn l-oħrajn; u nitolbuh li jfakkarna dejjem li din hi t-triq tal-għaqal li hu qed jgħallimna fil-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta