L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej” (Mt 23:13). Dan hu li Ġesù jirrepeti għal tliet darbiet f’din is-silta mill-Evanġelju skont San Mattew, u din is-silta hi parti minn diskors itwal fejn Ġesù jirrepeti għal diversi drabi “Ħażin għalikom”. Jolqotna dan il-kliem, għax minn fomm Ġesù ħafna drabi nisimgħu kliem differenti. Niftakru fl-istess Evanġelju skont San Mattew meta lid-dixxipli jgħidilhom “Henjin” (Mt 5:3-11). U ħafna drabi l-kliem ta’ Ġesù hu kliem ta’ kompassjoni.
Għaliex Ġesù hawnhekk jitkellem daqshekk iebes bi kliem li hu aħrax? L-ewwel nett minħabba l-ipokresija. Hawn Ġesù qed jgħid li diversi minn dawn il-kittieba u l-Fariżej kienu ipokriti. Fil-fatt, Ġesù hawn juża l-kliem “uċuħ b’oħra” (Mt 23:13), u f’post ieħor fl-Evanġelju jgħid “oqbra mbajda” (Mt 23:27). Din tfisser li dak li tara minn barra, il-qoxra, hi differenti minn dak li hemm ġewwa. Din hi l-kritika l-kbira li għamel Ġesù lil dawn li minn barra kienu jidhru devoti, ta’ qdusija, reliġjużi, u minn ġewwa kienu ’l bogħod minn Alla.
Jgħid iktar Ġesù. Jgħid li dawn, imbagħad, kienu jiżvijaw ukoll nies oħra. Mhux biss huma, imma nies oħra, għax huma kienu mexxejja reliġjużi, u għalhekk kellhom influenza fuq diversi nies. Minħabba li kienu hekk, kienu jagħmlu enfasi kbira fuq il-qoxra ta’ barra tar-reliġjon, u jgħallmu reliġjon li kienet ġabra ta’ prattiċi reliġjużi, imma tal-qoxra ta’ barra, jiġifieri mhux verament il-qalb li bis-sinċerità qed tfittex lil Alla, imma dak li jidher minn barra. Hu għalhekk li dawn kienu jinsistu ħafna fuq dettalji, dak kollu li jidher, bħalma jsemmi Ġesù fl-Evanġelju, li ma kinux l-essenzjal tal-fidi imma affarijiet li jimpressjonaw. Imma, kif nafu, Alla ma jimpressjonax ruħu b’dak li jidher minn barra, bil-qoxra, imma jagħraf il-profondità tal-qalb.
X’inhu l-messaġġ għalina f’dan l-Evanġelju? L-ewwel nett li aħna nagħmlu attenzjoni fil-ħajja tagħna li ma nkunux ipokriti, u nitolbu dil-grazzja lill-Mulej: li ma nfittxux li nimpressjonaw minn barra b’affarijiet devoti u reliġjużi, imma minn ġewwa nkunu ’l bogħod minn Alla. Jista’ jiġrilna hekk, per eżempju, jekk minn barra jkollna ħafna kliem fuq imħabba, maħfra, u minn ġewwa nkunu mimlija vendikazzjoni lejn l-oħrajn, li mbagħad nagħmlu hekk ukoll fl-għemil tagħna. Hawnhekk Ġesù mhux qed jitkellem fuq l-iżbalji li ġieli nagħmlu fil-ħajja tagħna, aħna li aħna lkoll midinbin, u li tagħhom nitolbu maħfra lil Alla. Imma qed jitkellem fuq l-istil ta’ ħajja – li tkun ipokrita bħalma kienu wħud mill-kittieba u l-Fariżej.
Għalhekk Ġesù jgħid – xi ħaġa importanti wkoll – li aħna ma għandniex nirriduċu l-fidi tagħna għal prattika reliġjuża tal-qoxra. Qisu dak li jidher minn barra hu l-iktar importanti. Imma l-aktar importanti, l-ewwel, hu l-qalb sinċiera li tfittex lil Alla. Ma għandux ikun hemm did-differenza bejn ġewwa u barra. Jista’ jiġri dan. Per eżempju, jien inċapċap lill-vara hi u għaddejja, jew nerfa’ fil-vara, imma mbagħad il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija għalija qisha ma teżistix, u l-quddiesa li hi fiċ-ċentru tal-ħajja ma teżistix. Hemm differenza bejn dak li jidher minn barra u dak li għandu jkun fil-qalb. L-istess meta tkun reliġjon li ristretta għall-affarijiet li jidhru, imma mbagħad fil-post tax-xogħol qisni ma nemmen b’xejn, waqt li f’postijiet oħra qisni nemmen ħafna għax l-affarijiet jidhru minn barra. Għalhekk ir-reliġjon ma tistax tkun xi ħaġa li tidher minn barra sabiħa, imma żvujtata minn ġewwa. Fuq dan qed jgħid Ġesù. Importanti li tkun fidi li ġejja mis-sinċerità tal-qalb, li mbagħad turi ruħha tassew fi prattiċi reliġjużi, f’devozzjonijiet, li mhumiex mifrudin minn qalb fejn tassew tħobb lil Alla.
Ġesù, fl-Evanġelju skont San Mattew, meta semma l-Beatitudnijiet, kien qal: “Ħenjin intom”. Ħenjin għax kienu frott ta’ qalb sinċiera. Hawnhekk hu jgħid “ħażin għalikom” għal stil ta’ ħajja li hi frott ta’ qalb imnawra. Nitolbu lil Mulej il-grazzja li aħna jkollna tassew fidi ħajja li ġejja minn qalb sinċiera li tassew tfittex lil Alla u li tħobb lil Alla u lill-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta