L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-Evanġelju huwa importanti għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett għal żewġ kelmiet li jintroduċi San Mattew fil-kapitlu 16. Din is-silta aħna nużawha ta’ spiss, forsi mingħajr ma naħsbu s-sinifikat tagħom.

Lil Ġesù ta’ Nazaret, bin Ġużeppi l-mastrudaxxa u Marija, ngħidulu Ġesù Kristu. ‘Kristu’ mhuwiex il-kunjom ta’ Ġesù imma huwa t-titlu li bih jagħrfu u jindikah Pietru fl-Evanġelju tal-lum. Jgħidlu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Tgħiduli, imma Kristu fejn tidħol? Għax qallu ‘Messija’. ‘Kristu’, ‘Messija’ u ‘midluk’ ifissru l-istess kelma f’diversi lingwi: ‘midluk’ bil-Malti, ‘Messijah’ bl-Ebrajk jew l-Aramajk, u ‘Kristos’ bil-Grieg. Meta aħna ngħidu Ġesù Kristu qegħdin ngħidu Ġesù l-Messija jew Ġesù l-Midluk. Id-dilka hija li tistrieħ fuqek il-qawwa ta’ Alla. Għalhekk, fir-rit tad-dilka tar-rejiet u anke tas-saċerdoti, huwa sinjal li fuq dik il-persuna qed jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej u l-qawwa tiegħu. Il-Messija, l-imwiegħed, huwa l-midluk bil-qawwa tal-Mulej.

Infatti fil-bidu tal-ministeru tiegħu, Ġesù jagħżel il-profezija ta’ Iżaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għax hu kkonsagrani u dilikni”. Prattikament kien qed jgħid li hu l-Messija. Imma meta jistaqsi lil sħabu “Imma intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15), kulħadd isemmi ’l xi ħadd importanti bħal Ġwanni l-Battista, Elija, Ġeremija, jew wieħed mill-profeti. Imma Ġesù mhuwiex interessat x’jaħsbu n-nies – tajba nitgħallmuha din, Ġesù ma tantx kien jippreokkupa ruħu x’jaħsbu n-nies, imma x’jaħsbu sħabu. Pietru qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16).

Ġesù jirrispondi u jgħallimna titlu ieħor fuq Pietru, dak li mbagħad isir il-kap tal-appostli.  Fil-verità, Pietru kien jismu Xmun bin Ġona. Mela Pietru, Xmun bin Ġona, lil Ġesù jgħidlu: “Inti l-Messija, inti Kristu” u b’risposta, Ġesù ta’ Nazaret idur fuq Xmun bin Ġona u jgħidlu: “Inti Pietru, inti blata” (ara Mt 16:18), bil-Lhudi ‘kefa’, u bil-Grieg u l-Latin hi ‘petros’, li tfisser blata. Għalhekk, Ġesù mbagħad jgħidlu: “U fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16:18). Mill-isem ‘Pietru’, Ġesù jgħaddi għas-sostantiv għar-realtà. Il-blata x’inhi? Mhix Pietru imma l-istqarrija tal-fidi tiegħu. L-istorja tal-Knisja hija storja wkoll ta’ kunflitt mal-ħażen, bħalma hi l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna niggranfaw ma’ Ġesù u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhniex imma biex dan isir irridu niggranfaw miegħu bħalma għamel Pietru. Aħna nsejħulu Pietru għax minn dak il-mument jingħata dan l-isem li jfisser blata, kefa.

Imma hemm ukoll tixbiha oħra, l-imfietaħ. Meta jdur lejn Xmun bin Ġona u jibda jsejjaħlu Pietru, Ġesù jgħidlu: “Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet” (Mt 16:19). L-ewwel qari wkoll iġibilna profezija fuq l-imfietaħ. “Isakkar u ħadd ma jiftaħ, jiftaħ u ħadd ma jsakkar” (Iż 22:22). Din hija l-qawwa li tiftaħ il-bieb tal-ħniena ta’ Alla u ħadd ma jagħlqu.

Din il-ħaġa Ġesù afdaha lill-Knisja fil-persuna ta’ Pietru u s-suċċessuri tiegħu. Min hu s-suċċessur ta’ Pietru? Huwa l-Isqof ta’ Ruma li aħna nsejħulu l-Papa u li bil-Grieg tfisser misser.  Il-Papa għandu dan it-titlu sabiħ għax huwa l-missier tal-merħla ta’ Ġesù imma Ġesù huwa r-ragħaj. Min hu Franġisku llum? Huwa qaddej ta’ din il-konsenja, ta’ dan il-ministeru, ta’ dan il-qadi li hu bil-qawwa ta’ Kristu f’isem il-Knisja, li ngħatat din il-qawwa, jiftaħ u jagħlaq: jiftaħ il-ħniena ta’ Alla u jagħlaq il-bieb għall-għedewwa ta’ ruħna. Hu jiftħilna l-bieb tal-ħniena ta’ Alla biex il-ħniena t’Alla tiġi fuqna u fil-qalb tagħna. Imma l-bieb isakkru biex l-għedewwa ta’ ruħna u tal-umanità jibqgħu ’l barra.

Din hija qawwa kbira. Il-Knisja tuża dik il-qawwa fl-eżorċiżmu imma nużawha wkoll meta nitolbu t-talba tal-Missierna: “La ddaħalniex fit-tiġrib iżda eħlisna mid-deni’. Dak il-ħin il-Mulej qegħdin nitolbuh iħenn għalina, “aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. Qed ngħidulu biex jiftaħ il-bieb tal-ħniena tiegħu fuqna imma mbagħad isakkar ukoll l-għadu u jħarisna minn kull deni, mill-ħażin. Mela din il-qawwa mogħtija lill-Knisja imma l-milja tagħha jeżerċitha f’isimna l-Qdusija Tiegħu l-Papa.

Hemm ukoll il-blata. Il-blata hija xi ħaġa samma, soda. Jekk tkun fuq ir-ramel waqt maltempata, saqajk ma jkunux fis-sod imma jekk tkun fuq blata għandek ċans iżjed. Fit-talba għal din il-quddiesa tal-21 Ħadd ta’ matul is-sena, il-Knisja tatna din it-talba sabiħa: talbet fuq kull wieħed u waħda minna biex aħna, il-poplu ta’ Ġesù, inħobbu l-preċetti tiegħu u nixtiequ l-ġid li jwegħedna. Għaliex? Biex fost it-tibdil ta’ din id-dinja l-qlub tagħna jieqfu fis-sod fejn hemm tassew il-hena, li qalbek tieqaf fis-sod.

L-aħwa, ejjew naħsbu ftit f’kemm-il darba l-qalb tagħna ma tiqafx fis-sod imma tieqaf fuq id-duħħan tad-dinja, fuq il-frugħat tad-dinja, fuq dak li jgħaddi. Nieqfu fuq is-sod fejn hemm tassew il-hena. Qatt mhu se jkollna l-paċi tal-qalb, qatt mhu se jkollna l-hena tassew jekk qalbna ma tiqafx fis-sod f’dak li ma jittiħdilna qatt. Tgħiduli x’inhu? Il-ħniena ta’ Alla, il-paċi tal-qalb, l-imħabba tal-proxxmu, l-għatx għall-ġustizzja, li nieħdu ħsieb lil xulxin. Dawk huma l-blata samma li fihom hemm is-sigriet tal-hena. Hemmhekk qalbek tistrieħ fis-sod.

Għalhekk, fid-dawl tal-Kelma t’Alla u hekk kif illum ninsabu f’Ħal Lija, il-parroċċa ddedikata lis-Salvatur, nitolbu biex l-ewwel nett inħarsu lejn Ġesù u flimkien ma’ Xmun bin Ġona, ma’ Pietru, ngħidulu: “Inti l-Messija, Kristu, il-midluk, Bin Alla l-ħaj” u hu jikkonfermana fil-fidi li hija dik il-blata samma li tagħtina l-hena li ma jeħodilna ħadd.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 22:19-23
Salm: 137 (138), 1-2a.2bc-3.6.8bc
Qari II: Rum 11:33-36
L-Evanġelju: Mt 16:13-20