L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-saltna tas-smewwiet jixbah lil wieħed sid, li mill-ħażna tiegħu joħroġ sew il-ġdid sew il-qadim”. Aħna u nsellmu b’tislima Nisranija mimlija fidi u tama, aħna u nagħmlu dan l-att ta’ mħabba niftakru fl-Isqof Pawlu bħala dak id-dixxiplu, il-kittieb għaref, għalliem li sar tassew dixxiplu tas-saltna tas-smewwiet.
Bil-vokazzjoni tiegħu Franġiskana Kappuċċina baqa’ iben omm Ġesù u meta l-Mulej sejjaħlu biex ikun isqof suċessur tal-appostlu, għażel bħala motto l-kliem: ‘immexxija mill-omm ta’ Ġesù, minn Marija. Il-kelma ta’ Marija, li lilna tgħidilna fuq binha Ġesù: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5) u bil-kliem tagħha fit-tieġ ta’ Kana tirrifletti l-kelma li l-Missier jgħid fuq l-għaxqa tiegħu fuq l-Iben: “Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Lq 9:35).
Il-kelma u l-parir ta’ Marija jirriflettu l-kelma ħerqana tal-Missier tagħna li hu fis-smewwiet. U Pawlu, dixxiplu tas-saltna tas-smewwiet, fiċ-ċirkustanzi kollha ta’ ħajtu, kemm bħala patri Kappuċċin hawn Malta, provinċjal għal iżjed minn darba, imbagħad isqof – ħareġ mill-ħażna tal-imħabba ta’ qalbu: il-ġdid u l-qadim. Il-qadim b’rifless lejn il-lealtà tiegħu lejn it-tagħlim, it-tradizzjoni tal-Knisja, bil-ħerqa appostolika li kien jixhed l-isem li ngħata fil-magħmudija: Pawlu l-Appostlu Missierna, l-appostlu missjunarju. Imma anke l-ġdid; hu li ta ħajtu biex il-ħolma li Garissa tkun djoċesi sseħħ u li f’idejn l-aħwa Franġiskani Kappuċċini tikber f’komunitaà ta’ fidi, tama u mħabba, kienet ukoll l-avventura ta’ ħajtu, l-imħabba ta’ ħajtu. Ma seħħitx fih waħdu. Kien bniedem li bil-manswetudni tiegħu, bil-kelma meqjusa tiegħu, kien jaf ukoll jentużjażma lil ħaddieħor biex ikunu wkoll bħalu dixxipli tal-Mulej.
Illum insellmu wkoll lil oħtu li ħadet ħsiebu u li ħa ħsiebha. Il-Mulej sejħilhom fi ftit jiem minn xulxin. Fil-misteru tal-ħniena tal-Mulej inħarsu lejh u nadurawh. Biex nifhmuh, irridu l-ewwel niltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ u dakinhar li niltaqgħu mal-Mulej wiċċ imb wiċċ, flimkien ma’ ħutna l-isqof Pawlu u oħtu Marija. Verament ma jkunx jimpurtana l-għaliex imma jkollna x-xorti niltaqgħu mal-imħabba, mal-ħniena, mat-tgħanniqa ħelwa ta’ min iħobbna tassew.
Il-liturġija li għadna kemm qrajna, il-Kelma ta’ Alla tfakkarna kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ min ixandar l-aħbar t-tajba (Is 52:7) li Alla hu mħabba, li aħna msejħin biex inħobbu lil xulxin. Dan Alla li qam ħa jiddi d-dawl mid-dlam. Dak hu li idda fil-qlub u din il-kelma nistgħu ngħiduha wkoll fuq dawn ħutna. Il-Mulej li fid-dlam tal-ħajja, fit-turufnamenti, fit-tbatija, fil-mard jiddi d-dawl tiegħu tal-imħabba u tal-ħniena, jiddi wkoll fi qlubna u jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla li tiddi f’wiċċ Kristu.
Ejjew nitolbu, aħna li għandna dan it-teżor f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4:7), li ma tidhirx fina l-qawwa fiergħa tagħna imma permezz tagħna l-qawwa tal-Mulej. Nistgħu ngħidu li dan il-kliem joqgħod tajjeb għall-isqof ħuna Pawlu u anke għal oħtu Marija.
Il-Mulej jaf idawwal id-dlamijiet tal-qlub tagħna u jagħmel mid-dgħufija tagħna mezz għall-glorja tiegħu. Aħna u nafdaw lil ħutna għall-ħniena tal-Mulej, illum inġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien għall-ħajja. Nemmen fix-xirka tal-qaddisin, fil-maħfra tad-dnubiet u fil-qawma mill-imwiet.
Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħu fis-sliem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 50, 4-9a
Salm: 68 (69), 8-10.21bçd-22.31 u 33-34
Qari II: 2 Kor 4, 5-15
L-Evanġelju: Mt 13, 47-53