L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għadda l-lejl fit-talb lil Alla” (Lq 6:12). Dan hu li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Luqa fuq Ġesù, li tela’ fuq l-għoljiet waħdu, u għamel ħin twil hemmhekk jitlob. Ma kinetx l-unika darba li Ġesù mar waħdu biex jitlob. San Luqa jgħidilna fl-Evanġelju tiegħu fuq l-importanza tat-talb għal Ġesù, u fuq kif Ġesù kien ukoll għallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu. Imma din iċ-ċirkustanza kienet speċjali, għax wara dak il-ħin ta’ talb, meta sebaħ, l-ewwel ma għamel Ġesù hu li sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu.
Għaliex sejħilhom? Biex minnhom jagħżel tnax, u jagħmilhom appostli tiegħu. Fl-Evanġelju llum għandna l-ismijiet ta’ dawn it-tnax – għażilhom Ġesù u tahom din il-missjoni speċjali: li jkunu appostli tiegħu. Imbagħad għandna dik ix-xena sabiħa meta Ġesù flimkien mat-tnax jinżlu fil-wita, u hemmhekk ikun hemm “kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies” (Lq 6:17). Hemmhekk dawn it-tnax setgħu jifhmu l-missjoni tagħhom għax raw dak li kien qed jagħmel u jgħid Ġesù. Fehmu li l-missjoni tagħhom hija l-ewwel li jitolbu – ħin twil ta’ talb – imbagħad li jgħallmu, li jaħdmu għall-fejqan tan-nies, li jagħmlu l-ġid, speċjalment jaħdmu fost dawk li għaddejjin minn tbatija.
Ħa nħarsu ftit lejn dawn it-tnax li għażel Ġesù. Kienu nies speċjali, imlaħħqin, fost il-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien? Le, Ġesù ma għażilx nies mill-mexxejja reliġjużi jew nies li kellhom xi kariga speċjali, imma għażel nies mill-ħajja ordinarja. Kienu nies perfetti, qaddisin, ma hemm xejn x’tgħid fuqhom? Le, Ġesù ma għażilx nies perfetti biex ikunu appostli; aħna nafu bin-nuqqasjiet u d-dnubiet tagħhom f’ċirkustanzi diversi fl-Evanġelju, imma speċjalment fil-mument meta Ġesù kien fuq is-salib, meta kollha ħlief wieħed ħarbu. U fost dawn it-tnax, wieħed, Ġuda, ittradih u Pietru – il-kap tal-Knisja – ċaħdu. L-Evanġelju jfakkarna f’dawn in-nuqqasijiet u d-dnubiet tal-appostli, mhux jipprova jgħattilhom.
X’jurina dan kollu? Għaliex Ġesù għażel lil dawn it-tnax? Mur ifhmu! L-għażla tiegħu. Imma żgur li l-għażla tiegħu turina li meta aħna nħarsu lejn il-Knisja, ma għandniex nippretendu li se nsibu nies perfetti, nies mingħajr nuqqasijiet. Hekk kienet mill-bidu l-komunità li waqqaf Ġesù. Aħna lkoll midinbin, salvati minn Ġesù, u neħtieġu kontinwament dan it-tiġdid li jġib Ġesù f’ħajjitna. Hekk nibdew il-quddiesa: dejjem nibdewha b’talba ta’ maħfra. U aħna s-saċerdoti nirrepetu kontinwament talbiet ta’ maħfra fil-quddiesa, anke meta ngħiduhom minn taħt l-ilsien. Per eżempju, waqt l-Offertorju, meta naħsel idejja ngħid: “Naddafni, Mulej, minn ħtijieti, u d-dnub tiegħi neħħili”. Għandna bżonn aħna li Alla kontinwament isaffina min-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħna. Aħna midinbin salvati minn Ġesù.
X’naraw fil-ħajja tal-appostli? Li naraw huwa li huma ħallew lil Ġesù jibdilhom, jittrasformahom. Minbarra Ġuda, l-appostli l-oħra kollha ħallew lil Ġesù jagħtihom l-Ispirtu tiegħu u fil-fatt, meta bagħat fuqhom l-Ispirtu s-Santu, ġab bidla fihom. Minn nies li jibżgħu saru nies ta’ kuraġġ; minn nies f’qoxorthom, saru nies li jħabbru l-Evanġelju li Ġesù huwa ħaj. Hekk baqgħu. Baqgħu konxji tan-nuqqasijiet tagħhom u d-dnubiet tagħhom, imma jafu li salvati minn Ġesu li jagħmilhom xhieda tiegħu. Baqgħu hekk sal-aħħar. Fil-fatt, ħafna mill-appostli mietu martri, mietu jagħtu xhieda ta’ Ġesù sal-aħħar. Dan hu messaġġ importanti għalina lkoll; għal dawk li huma suċċessuri tal-appostli – għall-Isqfijiet – imma wkoll għall-Knisja kollha. Biex aħna niftakru li aħna midinbin li neħtieġu lil Ġesù biex isalvana, biex kontinwament isaffina u jgħinna biex nagħtu xhieda tiegħu fid-dinja. Din hi s-sejħa li jagħmel lilna lkoll. Min qed jippretendi li fil-Knisja jsib nies perfetti se jibqa’ diżappuntat. Mhux hekk kienet l-għażla ta’ Ġesù nnifsu.
Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna nagħrfu din il-missjoni li Ġesù ta lill-appostli. Fil-festa ta’ San Xmun u San Ġuda, tnejn mill-appostli, nitolbu għas-suċċessuri tal-appostli, għall-Isqfijiet, biex ikunu xhieda ta’ Ġesù fid-dinja tal-lum. U nitolbu għall-Knisja kollha biex nagħrfu l-missjoni li tana Alla. Huwa hu li jsalvana, bil-qawwa tiegħu li nistgħu naqdu din il-missjoni, u nkunu qalbna miftuħa għalih biex permezz tagħna jasal għand ħafna nies oħra.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju