L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
L-Evanġelju skont San Luqa hu l-evanġelju li jagħti importanza lin-nisa, l-iktar wieħed. Fil-fatt, hu fl-evanġelju tiegħu li nsibu li kien hemm dixxipli nisa. Illum jissemmew uħud minnhom – dixxipli ta’ Ġesù li kienu nisa – u dawn sabu f’Ġesù dak li salvahom, dak li ħelishom, u tahom ħajja ġdida. Fil-fatt naqraw li Ġesù kien “fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard” (Lq 8:2).
Dawn in-nisa baqgħu dejjem rikonoxxenti lejn Ġesù għal dak li għamel magħhom. Kellhom f’qalbhom din il-gratitudni lejh. Ma kinitx biss okkażjoni ta’ darba, imma huma għażlu wkoll li jimxu warajh u li jkunu dixxipli tiegħu, li jissieħbu miegħu fil-missjoni li jdur l-ibliet u l-irħula, jipprietka u jxandar l-Evanġelju tas-saltna ta’ Alla. Fil-fatt ninnutaw li mill-bidu, il-komunità li waqqaf Ġesù, li hi l-Knisja, hi komunità li tinkludi lil kulħadd, u fiha kulħadd għandu l-importanza. Hawn naqraw li dawn in-nisa “kienu jaqduhom minn ġidhom” (Lq 8:3) lil Ġesù u lit-tnax.
Interessanti wkoll li jekk naraw il-ħajja ta’ Ġesù sat-tmiem tagħha, meta Ġesù kien fuq is-salib, taħt is-salib tiegħu kien hemm wieħed mit-tnax, Ġwanni – l-oħrajn ma dehrux – imma kien hemm numru ta’ nisa. Fosthom kien hemm Marija, omm Ġesù; imma kien hemm ukoll Marija ta’ Magdala, li tissemma b’mod partikulari fl-Evanġelju li Ġesù kien ħelisha, “minnha kienu ħarġu seba’ xjaten,” jgħid l-Evanġelju (Lq 8:2), u din baqgħet dejjem bi mħabba kbira lejn Ġesù u b’fedeltà sal-aħħar, sa meta Ġesù kien fuq is-salib.
Mhux biss, imma mbagħad naraw li kienu wkoll in-nisa l-ewwel ma rċevew l-aħbar li Ġesù qam mill-mewt. Fil-fatt naqraw li kien hemm xi nisa marru fejn il-qabar, biex ikunu jistgħu jidħlu fejn mingħalihom kien hemm il-ġisem mejjet ta’ Ġesù. Bdew jaħsbu: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” (Mk 16:3) biex ikunu jistgħu jidħlu fil-qabar, imma mbagħad isibu li l-ġebla ma kinitx hemm u kien hemm żagħżugħ li jgħidilhom: “Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nażaret li kien imsallab; qam mill-mewt, mhuwiex hawn.” (Mk 16:6). Kienu n-nisa l-ewwel ma rċevew din l-aħbar hekk kbira u sabiħa. U kienet Marija ta’ Magdala wkoll, li kif insibu fl-Evanġelju, kienet l-ewwel li ltaqgħet miegħu wiċċ imb wiċċ; ħasbitu għall-bidu l-ġardinar, ma għarfitux, imma meta sejħilha b’isimha (Ġw 20:16), għarfet li dan kien Ġesù li qam mill-mewt. Imbagħad saret hi appostlu tal-appostli, għax marret ixxandar l-aħbar hekk kbira li Ġesù hu ħaj.
Nixtieq li llum naħsbu wkoll f’tant nisa fil-ħajja ordinarja tal-komunità, speċjalment tal-Knisja, li jagħtu l-kontribut tagħhom b’ġenerożità kbira u jaħdmu b’impenn kbir.
Aħna bħalissa, diversi minna f’Malta imma speċjalment fl-Ingilterra u anke f’postijiet oħra, qegħdin iffukati fuq mara partikulari – ir-Reġina Eliżabetta II – li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Kienet mingħajr biża’ tistqarr li hi Nisranija, li tixtieq f’ħajjitha tkun dixxiplu ta’ Ġesù u timxi warajh. Fil-fatt, tat xhieda ta’ lealtà u ta’ fedeltà. Imma jien nixtieq li llum naħsbu wkoll f’tant nisa fil-ħajja ordinarja tal-komunità, speċjalment tal-Knisja, li jagħtu l-kontribut tagħhom b’ġenerożità kbira u jaħdmu b’impenn kbir. Fil-komunitajiet tagħna, speċjalment fil-parroċċi, tara ħafna minn dawn li qed jagħmlu proprju bħalma qrajna llum fl-Evanġelju: li qed jaqdu “minn ġidhom” lill-komunità. U “minn ġidhom” mhux biss fis-sens materjali – dak ukoll – imma mit-talenti li għandhom. Id-doni li għandhom qed iqegħduhom għas-servizz tal-komunità. Kultant ma nurux biżżejjed apprezzament lejn dawn il-persuni, imma tajjeb niftakru x’ġid jagħmlu, bħalma kienu fi żmien Ġesù nies li kien hemm madwaru, speċjalment dawn in-nisa.
Nitlob illum għalina lkoll biex aħna nkunu dejjem dawk li napprezzaw is-sehem tan-nisa fil-komunitajiet tagħna, anzi nħeġġu biex ikun hemm kontribut tassew validu u importanti; u biex aħna nieħdu l-eżempju ta’ dawn in-nisa li jissemmew fl-Evanġelju llum, jiġifieri li nkunu rikonoxxenti lejn il-Mulej għal dak kollu li jagħmel magħna, b’qalbna mimlija gratitudni lejh; li nissieħbu miegħu fil-missjoni tax-xandir tal-Evanġelju speċjalment bix-xhieda li nagħtu, u li aħna wkoll naqdu lill-oħrajn mill-ġid li Alla pprovdielna u nqiegħdu t-talenti u d-doni li Alla tana għas-servizz tal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju