Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru ġiet organizzata l-Assemblea Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija. Din is-sena kienet waħda speċjali għall-membri tal-għaqda għax kienet attività parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-90 Anniversarju. L-Assemblea Ġenerali bdiet billi disa’ persuni li kellhom bejn l-10 u d-90 sena, qasmu l-esperjenzi tagħhom fl-Azzjoni Kattolika, tul dawn id-90 sena li ilha mwaqqfa f’Malta.
Josef DeBono, il-President Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija tenna li dawn l-aħħar 90 sena mhux biss jirrakkontaw storja iżda juru wkoll ħeġġa għal dak li ġej, għax huwa iktar importanti minn dak li diġà għadda. Fakkar li kull jum ġdid hu opportunità biex inħobbu aktar u ningħataw iżjed għas-servizz għall-oħrajn.
Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Nixtieq l-ewwel nett nuri l-apprezzament tal-Knisja f’Malta għall-Azzjoni Kattolika tal-lum u ta’ dawn id-90 sena. Nagħmel dan anke f’isem l-Arċisqof li bħalissa qiegħed il-Messiku. Nixtieq nawgura lill-Azzjoni Kattolika Maltija ħafna iktar snin ta’ preżenza u ta’ appostolat fil-Knisja u fis-soċjetà.
Jiena qatt ma kont fl-Azzjoni Kattolika imma dejjem kelli viċin tiegħi min kien, għax ommi kienet għal snin twal fl-Azzjoni Kattolika; u meta missieri rtira, imbagħad daħħlet lilu wkoll biex jgħin fl-Azzjoni Kattolika Maltija. Għalhekk nista’ napprezza ħafna l-ħidma li ssir mill-Azzjoni Kattolika fil-Knisja imma anke b’liema spirtu din issir. Nixtieq nuri l-apprezzament lejn dawk kollha li taw sehemhom għal snin twal, kemm permezz ta’ ħidma u proġetti li diġà ssemmew illum u li kulħadd jaf, imma wkoll fil-ħidma li saret u li ssir fil-gruppi, fiċ-ċirkoli fil-kwiet tul is-snin – ħidma li serviet ta’ formazzjoni kbira u importanti għal tant nies.
Preżenza ta’ tiġdid fil-Knisja u fis-soċjetà Maltija
Jiena nixtieq inħeġġeġ ħafna u ninkoraġġixxi l-preżenza tal-Azzjoni Kattolika fil-Knisja u fis-soċjetà Maltija llum.
L-ewwel nett fil-Knisja f’Malta biex l-Azzjoni Kattolika tkun preżenza ta’ tiġdid fil-Knisja permezz tal-enerġija ta’ tant membri li jqiegħdu lil Ġesù l-ewwel u li jippruvaw ikunu dixxipli tiegħu u wkoll fl-istess waqt dixxipli li jmorru biex ixandru l-Bxara t-Tajba lill-oħrajn.
Aħna għandna bżonn ħafna l-preżenza tal-Azzjoni Kattolika biex tkun inqas Knisja klerikali – jiġifieri li l-affarijiet iduru mas-saċerdot. Is-saċerdot għandu missjoni importanti imma l-missjoni tiegħu hija wkoll li jgħin lil tant nies oħra jipparteċipaw. Din il-preżenza tal-Azzjoni Kattolika tgħin biex il-Knisja tagħraf aktar ir-rikkezza kbira li għandha permezz ta’ tant lajċi. Jiena napprezza l-ħidma li diġà qed issir u li ilha ssir u għalhekk ninkoraġġikom biex tkomplu tagħtu sehemkom. L-Azzjoni Kattolika hija marbuta b’rabta kbira mal-Knisja u tista’ tagħti sehem importanti għat-tiġdid tal-Knisja f’Malta.
L-Azzjoni Kattolika tgħin ukoll fil-formazzjoni ta’ tant lajċi biex imbagħad jgħinu wkoll lis-soċjetà Maltija bl-impenn tagħhom fis-soċjetà Maltija. Ħa nsemmi tliet punti ta’ azzjoni li naħseb importanti ħafna għall-Azzjoni Kattolika Maltija.
Azzjoni pożittiva
L-ewwel nett li tkun azzjoni pożittiva. Fid-diversi drabi li attendejt għal laqgħat u inizjattivi, rajtha din li tkun azzjoni pożittiva, jiġifieri li inti twassal tassew l-Aħbar it-Tajba. Aħna kultant ngħixu f’ambjent illi jiġbed lejn dak li hu negattiv. Meta ngħid azzjoni pożittiva, mhux qed ngħid illi dak li hu ħażin b’xi mod taħbih jew tgħidlu tajjeb; aħna għandna d-dmir li fejn hemm dak li hu ħażin, ngħidulu ħażin. Imma azzjoni pożittiva tfisser illi meta jħarsu lejna n-nies u meta jiltaqgħu magħna, minna toħroġ dik l-enerġija pożittiva li ħarġet minn Ġesù Kristu man-nies, fil-kuntatti li n-nies kellhom miegħu, u li għandha toħroġ minna li aħna dixxipli tiegħu. U allura li minna n-nies jisimgħu kelma ta’ tama, kelma ta’ kuraġġ, kelma ta’ mħabba vera illi timlielhom ħajjithom.
Azzjoni proattiva
Semmejt pożittiva, it-tieni: azzjoni proattiva. Jiġifieri li mhux biss nirreaġixxu għal dak li qed isir. Hu importanti li aħna nirreaġixxu meta naraw dak li s-soċjetà tkun għaddejja minnu u li jkun hemm ir-reazzjonijiet tagħna bħala Knisja, anke bħala Azzjoni Kattolika. Imma qed ngħid immorru lil hinn minn hekk. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-qawwa biex nagħrfu ’l bogħod, lil hinn mill-preżent. Ċerti affarijiet nistgħu narawhom fix-xefaq. Azzjoni proattiva tfisser li nieħdu minn issa l-azzjoni fuqhom u dan ifisser għalhekk li fejn ikun hemm bżonn nirreaġixxu għal dak li qed isir, imma fejn hemm bżonn aħna stess inkunu li nqiegħdu dak li fuqu l-bniedem hemm bżonn jaħseb illum, u nqiegħdu dan għall-konsiderazzjoni tan-nies u tas-soċjetà Maltija llum.
Azzjoni propożittiva
Pożittiva, proattiva u t-tielet: propożittiva li tfisser li aħna nipproponu, inqiegħdu quddiem is-soċjetà Maltija dak li hu ispirat mill-Evanġelju, dak li l-lajċi jistgħu jqiegħdu ħafna drabi iktar b’mod tajjeb, għaliex huma iktar qegħdin fil-qalba tas-soċjetà. Propożittiva tfisser li aħna nwasslu t-tagħlim soċjali tal-Knisja; mhux biss li inti tara x’hemm bżonn tikkundanna fis-soċjetà, dak il-ħażin illi inti qed tara fis-soċjetà u qed taħdem kontrih, imma wkoll x’tista’ tipproponi tassew ta’ ġid għas-soċjetà. Għalhekk propożittiva.
Jekk nieħdu, pereżempju, il-qasam tal-ambjent jew tar-rispett lejn il-ħolqien, li tant huwa importanti – naf li tagħtuh din l-importanza għax meta ġejt Ħad-Dingli rajt lill-gruppi qed jiddiskutu l-ħarsien tal-ħolqien ta’ Alla – hemm ħafna li aħna nistgħu nagħmlu f’dan is-sens. Fuq dak li qed isir ħażin tista’ titkellem u ma tiqafx fejn jidħol l-ambjent, imma dak li nistgħu nagħmlu aħna, dak li nistgħu nħeġġu fil-formazzjoni lil dawk li b’xi mod ikollna kuntatt magħhom, hu ħafna wkoll. Għalhekk qed ngħid ‘propożittiva’: inħarsu x’nistgħu aħna nipproponu kemm għal dawk li huma midħla tagħna kif ukoll għas-soċjetà Maltija.
Għalhekk nieħu gost nara l-Azzjoni Kattolika tikkollabora kemm ma’ istituzzjonijiet fil-Knisja f’Malta imma wkoll fis-soċjetà fuq kwistjonijiet partikolari fejn aħna nistgħu nagħtu s-sehem tagħna b’dan il-mod: billi aħna nkunu propożittivi.
It-talb: fil-qalba tal-Azzjoni Kattolika
Semmej dawn it-tliet punti: li tkun azzjoni pożittiva, proattiva, propożittiva. Jekk aħna rridu l-għajn ta’ dan kollu, insibuh proprju f’Ġesù Kristu u fil-laqgħa tagħna personali miegħu. It-talb, li dejjem kien fil-qalba tal-Azzjoni Kattolika, huwa dak il-mument, kemm individwalment kemm flimkien, li lilna jagħtina s-saħħa u l-qawwa, l-għajn li minnha aħna nixorbu biex nistgħu nwettqu tassew Azzjoni Kattolika Maltija – Azzjoni Kattolika fil-Knisja Maltija u fis-soċjetà Maltija llum.
Nirringrazzjakom ħafna ta’ din l-esperjenza sabiħa flimkien, nirringrazzjakom ta’ dawn is-snin kollha u tal-ħidma li qegħdin tagħmlu b’dedikazzjoni kbira llum. Nixtieq ninkoraġġikom ħafna f’din il-ħidma tagħkom u f’din il-preżenza tagħkom. Jalla dak kollu li nagħmlu, nagħmluh tassew biex ikun imfaħħar Ġesù Kristu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju