Photo: Vatican Media

Ilbieraħ il-Papa Ljun XIV ċċelebra l-quddiesa tal-kanonizzazzjoni ta’ seba’ qaddisin ġodda. Huwa fakkar lill-Kristjani li fost il-problemi u l-inkwiet li qed naffaċċjaw, hemm bżonn talb b’fiduċja u passjoni.

Dan propju fil-jum li fih il-Knisja ċċelebrat il-Ġurnata Missjunarja.

Is-seba’ qaddisin ġodda fil-Knisja Kattolika huma:

  • Ignatius Choukrallah Maloyan
  • Peter To Rot
  • Vincenza Maria Poloni
  • Maria del Monte Carmelo Rendiles Martínez
  • Maria Troncatti
  • José Gregorio Hernández Cisneros
  • Bartolo Longo

Wieħed minn dawn il-qaddisin – Bartolo Longo – huwa eks-satanist.

Fl-omelija l-Papa rrifletta fuq mistoqsija ta’ Ġesù – jekk Bin il-Bniedem hux se jsib fidi fid-dinja meta jerġa’ jiġi.

Il-Papa fisser li din il-mistoqsija turi li l-fidi hija r-rabta prezzjuża ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu; dik li tgħaqqad lil Alla man-nies.

Huwa qal li dawn il-qaddisin ġodda bil-grazzja ta’ Alla żammew id-dawl tal-fidi jixgħel – “Huma stess saru dawl li xerrdu d-dawl ta’ Kristu”.

Il-Papa stqarr li dan ma jimminax it-teżori materjali, kulturali, xjentifiċi, u artistiċi ta’ din id-dinja, iżda rrimarka li t-tifsira veru tagħhom hija mitlufa mingħajr il-fidi.

“Dinja mingħajr fidi hija dinja mingħajr missier”

Il-Papa kompla jgħid li dinja mingħajr fidi hija dinja mimlija tfal mingħajr missier, li ma jkollhom ebda rieda għall-ħajja għax ma jkunx fadal tama f’qalbhom għas-salvazzjoni.

Għaldaqstant fisser kif Ġesù jistedinna nitolbu dejjem ħalli r-rabta ta’ mħabba tagħna ma’ Alla tinżamm ħajja u qlubna jilqgħu s-salvazzjoni tiegħu – “Bħalma n-nifs iżomm il-ġisem ħaj, it-talb iżomm ir-ruħ ħajja”.

Il-Papa qal ukoll li l-fidi nesprimuha b’talb awtentiku.

Tentazzjonijiet li nistgħu naffaċċjaw fit-talb skont il-Papa:

  • Li nħallu l-ħażen jirkibna u naħsbu li Alla ma jimpurtahx mit-tbatija tagħna.
  • Li naraw it-talb bħala kmand lil Alla, u nippretendu li jaġixxi skont l-interpretazzjoni tagħna.

Il-Papa fisser kif Ġesù ħelisna miż-żewġ aspetti permezz tas-Salib, u ħeġġeġ biex id-dubju nbiddluh f’talb, għax Alla huwa preżenti fit-tbatija.

Huwa talab li l-qaddisin il-ġodda jgħinuna fil-vokazzjoni tagħna għall-qdusija – “Il-fidi fid-dinja ssostni t-tama għall-Ġenna”.

Il-quddiesa saret fi Pjazza San Pietru.

Dan ftit iktar minn xahar wara li Carlo Acutis u Pier Giorgio Frassati ġew dikjarati qaddisin.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci