‘Il fuq minn 650 żagħżugħ u żagħżugħa minn Malta, ġejjin minn 23 għaqda reliġjuża differenti u minn diversi parroċċi, jinsabu l‑Polonja għall‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ (JDŻ). L‑organizzazzjoni tal‑parteċipazzjoni Maltija qed tiġi kkordinata miż‑Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK), li ħejjew ukoll il-verżjoni Maltija tal‑kanzunetta uffiċjali tal‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ, ‘Ħenjin li jħennu’. Youtube link:
https://youtu.be/_y5MQf6HKOg.
Mal-wasla tagħhom fil-Polonja, iż‑żgħażagħ Maltin ġew milqugħa f’diversi parroċċi qrib Krakovja, u matul din il‑ġimgħa ser jattendu għall‑attivitajiet prinċipali tal‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ, fosthom is-sessjonijiet ta’ katekeżi u l‑laqgħat mal‑Papa Franġisku fi Krakovja bejn l‑Erbgħa u l‑Ħadd li ġej.
Qabel ħallew Malta biex jibdew il‑pellegrinaġġ tagħhom, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ltaqa’ maż‑żgħażagħ f’żewġ laqgħat organizzati miż‑ŻAK u mill‑Mixja Neokatekumenali.
Fl‑Oratorju Qalb ta’ Ġesù, fil‑Mosta, l‑Arċisqof ħeġġeġ liż‑żgħażagħ biex iħallu lil Ġesù jkellimhom permezz ta’ din l‑esperjenza straordinarja, li qal tista’ tħalli l‑frott fil‑qalb ta’ kull persuna u fejn wieħed jista’ jkollu wkoll esperjenza sabiħa ta’ rikonċiljazzjoni.
F’laqgħa oħra maż-żgħażagħ mill‑Mixja Neokatekumenali, l‑Arċisqof ħeġġiġhom biex matul l‑esperjenza tal‑Jum Dinja taż‑Żgħażagħ, jagħrfu iżjed x’irid Alla minnhom, u wara din l‑esperjenza jkunu ‘appostli ta’ Kristu’ f’Malta jew fejn Alla jixtieq jeħodhom.
L‑attivitajiet prinċipali tal‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ ser jibdew għada, it‑Tlieta 26 ta’ Lulju, u jintemmu l‑Ħadd 31 ta’ Lulju 2016 b’Quddiesa ċċelebrata mill‑Papa Franġisku. Aktar minn żewġ miljun pellegrin mistennija jattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni.