Fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana bħalissa għaddejjin l‑aħħar preparamenti għall‑ikla annwali tal‑Milied sabiex f’nhar il‑Milied tilqa’ madwar 550 persuna li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli jew kienu se jqattgħu l‑Milied weħidhom. Din hi l‑ewwel darba, wara waqfien ta’ sentejn minħabba l‑pandemija, li Caritas Malta qed terġa’ torganizza l‑Ikla tal‑Milied.  

Waqt il‑konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija Mons. Charles Cordina, spjega kif “il‑Kurja nqisuha bħala d‑Dar tal‑Arċisqof, fejn issir ħafna mill‑ħidma u l‑amministrazzjoni ċentrali tal‑Arċidjoċesi. Hawn ukoll issir l‑ikla tal‑Milied fejn qed issir fil‑qalba tal‑Knisja f’Malta.

“Kienet ix‑xewqa tal‑Arċisqof Charles Scicluna li din l‑ikla terġa’ ssir wara waqfa ta’ sentejn għax l‑esperjenza ma tiqafx mal‑Milied. Imma permezz tagħha jibqa’ jinżamm kuntatt matul is‑sena kollha mal‑persuni li jattendu. 

“Il‑Knisja dejjem tibqa’ minn ta’ quddiem biex tgħin lill‑persuni fil‑bżonn u tkompli ssaħħaħ id‑diversi servizzi tagħha sabiex tkompli tilħaq lill‑batut. Filwaqt li fir‑ristoranti bħalissa għaddejjin il‑preparamenti għal Jum il‑Milied, f’dawn il‑jiem ta’ festi, il‑Kurja tinbidel f’ristorant kbir li fih jilqa’ lill‑fqir u lil min għaddej minn ħafna tbatija.” 

Dawk li ma jistgħux joħorġu mid‑dar u li jinsabu weħidhom se titqassmilhom ikla jew rigal permezz tal‑ħidma tad‑djakonija fil‑parroċċi. L‑ikel fil‑parroċċi jitqassam mill‑voluntiera, mhux fil‑Milied biss, imma anki matul is‑sena. 

Id‑Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, spjega li studju riċenti juri li aktar minn 54 fil-mija tas‑soċjetà Maltija għaddiet minn perjodu ta’ solitudni. Qal li minħabba din ir‑rata dejjem qed tkompli tikber, “f’Diċembru li għadda Caritas bdiet kampanja fejn għamlet sejħa biex ħadd ma jħossu waħdu. Dak hu propju li se nagħmlu dakinhar tal‑Milied permezz ta’ din l‑ikla.” Hu rringrazzja lil Alfred Mizzi Foundation li għal sena oħra se tipprepara l‑ikel għal din l‑okkażjoni, lill‑Uffiċċju tal‑President li pprepara 700 ħlewwa tradizzjonali tal‑Milied biex jitqassmu f’Jum il‑Milied u lil St Peter’s Foundation tal‑għajnuna fil‑loġistika.

The Alfred Mizzi Foundation, permezz ta’ diversi koki, se jippreparaw 550 ikla għall‑Kurja u madwar 300 ikla biex jitqassmu fid‑djar. “Hu privileġġ għal The Alfred Mizzi Foundation, li l‑ħafna koki li ilhom jippreparaw l‑ikel, dakinhar stess, aħna nkunu hawn inqassmuh. Il‑ferħ li naraw fuq wiċċ in‑nies, lilna jagħtina sodisfazzjon,” qal Julian Sammut minn The Alfred Mizzi Foundation.

L‑Ikla tal‑Milied, organizzata minn Caritas Malta, ilha ssir mill‑2015 u fis‑sentejn li ma saritx l‑ikel fid‑djar tqassam xorta u sar mezz biex jinżamm kuntatt mal‑persuni li jinsabu weħidhom. Madwar 200 voluntier se jgħinu fl‑organizzazzjoni tal‑Ikla tal‑Milied u fit‑tqassim tal‑ikel fid‑djar.