Fil-bidu ta’ Settembru, iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) laqgħet f’Malta numru ta’ persuni li qegħdin jiġbru d-data (data collectors) mill-Azzjoni Kattolika Rumena, Spanjola, Taljana u kif ukoll miż-ŻAK stess. Dawn il-persuni ngħataw taħriġ fuq tlitt ijiem bħala parti mill-proġett ta’ riċerka ta’ tliet snin li qed isir bejn dawn l-għaqdiet (strategic partnership).

Il-proġett, bl-isem ta’ ‘Supporting Volunteers in Youth Organisations’ għandu l-għan li jitfa’ dawl fuq il-parteċipazzjoni u l-impenn tal-voluntiera żgħażagħ f’dawn l-erba’ għaqdiet. Fil-fatt jinvolvi riċerka li ser tkun qed tistudja sfida komuni li qed jaffaċċjaw ħafna għaqdiet volontarji fl-Ewropa, jiġifieri n-nuqqas fil-parteċipazzjoni u l-impenn taż-żgħażagħ iktar ma’ qed jibdew jikbru. B’hekk ir-riċerka tikkontribwixxi wkoll mar-riċerka preżenti fil-qasam taż-żgħażagħ.

Matul it-taħriġ, dawn il-persuni saru jafu iktar lil xulxin, skoprew iktar dwar il-proġett u l-għanijiet tiegħu u ħadu wkoll taħriġ teoretiku u prattiku dwar riċerka, metodi ta’ ġbir ta’ data u aspetti etiċi marbutin mal-ġbir tad-data. Dan kollu qed jgħin biex meta tibda tinġabar l-informazzjoni mingħand il-membri ta’ dawn l-għaqdiet, dawn il-persuni jkunu armati bl-għodda meħtieġa sabiex jagħmlu dan bl-aħjar mod possibbli.

Roderick Borg u Dawn Powell, membri fiż-ŻAK u data collectors għall-istess għaqda tennew kif dan it-taħriġ mhux biss kien “utli u informattiv” biex wieħed jiġbor id-data b’mod preċiż u “li jwassal għall-aħjar riżultat”, iżda t-taħriġ għenhom ukoll jiftakru li l-prijorità fil-ħidma maż-żgħażagħ hi li wieħed jiftakar fil-bżonnijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ, jismgħhom u jakkumpanjahom. Semmew ukoll li huma eċitati li jagħmlu parti minn dal-proġett li qed jindirizza l-isfida li qed jaffaċċjaw ħafna għaqdiet u spjegaw kemm hu importanti li l-għaqdiet jagħmlu riflessjonijiet bħal dawn ta’ spiss u jżommu l-bżonnijiet taż-żgħażagħ fuq quddiem.

L-Isqof Joseph Galea-Curmi, li kien mistieden waqt it-taħriġ, tenna l-importanza tax-xogħol li qed jagħmlu dawn il-persuni anke għall-Knisja. Spjega li l-ministeru li fil-Knisja isir tajjeb wara li nifhmu lin-nies ta’ madwarna. Semma wkoll kif biex ikun hemm komunikazzjoni tajba, irid ukoll ikun hemm rieda li wieħed jisma’ u jifhem lill-persuna. Għalkemm din hi sfida, meta wieħed jifhem lill-proxxmu, speċjalment liż-żgħażagħ, dan jista’ jwassal għal akkumpanjament taż-żgħażagħ bi mħabba kif ukoll iħossuhom mismugħha. B’hekk jiġu megħjuna jgħixu ħajja bis-sens. Żied jgħid li l-missjoni tal-Knisja, inkluż il-Knisja f’Malta għandha tkun li tisma’. Hu stieden lill-Azzjoni Kattolika u lil kull min jaħdem fil-Knisja biex jiġu organizzati iktar opportunitajiet fejn jinstemgħu ż-żgħażagħ u t-tfal. Għalaq billi rringrazzja lill-parteċipanti kollha tal-preżenza u x-xogħol tagħhom.

Il-proġett ‘Supporting Volunteers in Youth Organisations (SVYO)’ hu kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-programm Erasmus+ u jibqa’ għaddej sa Awwissu 2023.  Wara li jintemm il-proġett, ir-riċerka tkun disponibbli għall-pubbliku.