L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nistgħu ngħidu li f’din is-silta qasira, mill-kapitlu 11 ta’ San Mattew, Ġesù proprju jiftaħ qalbu għax jispjegalna min hu tassew. Kif nafu l-kelma ‘qalb’, anke fil-lingwa tagħna, meta ngħidu: ‘kemm għandu qalbu tajba’, ‘kemm għandu qalbu ħelwa’; qed nirreferu għall-personalità ta’ dak li jkun.
Fl-Iskrittura u fid-dinja semitika l-qalb hija l-personalità, l-identità ta’ dak li jkun. U Ġesù jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Il-ħlewwa u l-umiltà huma l-karatteristiċi li Ġesù jagħżel biex jispjega min hu. Imma ma jiqafx hemm: “Tgħallmu minni” (Mt 11:29). Ta’ minn nirriflettu fuq din il-Kelma ta’ Ġesù. Ġesù llum mhux qed jagħtina kmand. Qed jistidinna: “Ejjew għandi… ħudu fuqkom il-madmad tiegħu u tgħallmu minni” (Mt 11:28-29).
Meta jħares lejna x’jara? “Intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (Mt 11:28). X’qiegħed joffri? Is-serħan imma wkoll mudell ta’ kif ngħixu l-ħajja magħna nfusna u bejnietna: il-ħlewwa u l-umiltà. Nifhmu mill-ewwel li l-personalità ta’ Ġesù u l-atteġġjament tiegħu huma totalment diversi għal dak li hu jsejjaħ l-għerf ta’ din id-dinja; li ħafna drabi huwa mibni fuq il-pretensjoni, l-arroganza; fuq l-idea li aħna aħjar minn ħaddieħor. Il-ħlewwa u l-umiltà jgħallmuna atteġġjament totalment differenti. Aħna m’għandniex għalfejn nistħu la l-Mulej jgħarrafna u jħobbna kif aħna, li ħafna drabi ninsabu u ninstabu mħabbtin u mtaqqlin.

Ġesù juża l-kelma ‘madmad’. Il-madmad huwa toqol imma huwa wkoll mod kif żewġ bhejjem tgħaqqadhom flimkien biex jimxu f’direzzjoni waħda. Allura s-sigriet tal-madmad ta’ Ġesù huwa li inti, jekk terfa’ l-madmad tiegħu, jekk tieħu fuqek il-madmad tiegħu, mhux se tkun waħdek: qed jafdak, imma fl-istess ħin iwiegħdek li se jkun miegħu hu. Għax bil-madmad ta’ Ġesù qatt m’inti waħdek, hemm xi ħaddieħor marbut mal-madmad u li qegħdin timxu flimkien. U għalhekk il-madmad ta’ Ġesù, la hu qiegħed magħna, mgħobbi bħalna, isir ħelu u ħafif.
X’qiegħed joffri [Ġesù]? Is-serħan imma wkoll mudell ta’ kif ngħixu l-ħajja magħna nfusna u bejnietna: il-ħlewwa u l-umiltà.
Ġesù ma jiċħadx li l-ħajja taf tħabbatna u tkiddna, imma qed iwegħedna li l-madmad tiegħu se jiġi miegħu, se nkunu miegħu. Allura, l-kelma ta’ Iżaija, “huwa rafa fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna” (Is 53:4), bit-tbatija tagħna; huwa l-mod kif il-madmad tal-ħajja ngħixuh bil-ħlewwa u bl-umiltà.
Ejjew nitolbu wkoll biex l-ispirtu ta’ Ġesù, mhux biss ikun fil-qalb tagħna, imma fostna, bejnietna, u forsi wkoll ftit fid-dinja. Huwa l-mument li nilqgħu l-fatt li Ġesù jgħidilna wkoll xi ħaġa intima dwaru, fl-għaqda tiegħu mal-Missier. Lil Alla, Ġesù, għallimna ngħidulu Missierna; illum qed jitkellem fuq Alla bħala missieru. Din ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla hija tassew intima: “kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu” (Mt 11:27).

Qed jgħidilna: jien qed niftaħ qalbi magħkom, qed ngħidilkom min jien. Imma l-Mulej Ġesù fl-umiltà u l-ħlewwa tiegħu, mhux biss bniedem tajjeb, imma huwa l-Iben ta’ Alla. Waqt li jgħidilna min Hu, mhux qed jiċħad la t-tbatija tal-ħajja, la d-divinità tiegħu; imma qiegħed jgħidilna: jiena għandi l-qawwa li l-Kelma li ngħidlek isseħħ, u fuq il-madmad li tiegħu fuqek miegħi, se nkun tassew il-faraġ ta’ ruħek. It-tagħbija tiegħi tkun ħelwa u ħafifa.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Żak 9:9-10
Responsorju: 144 (145):1-2,8-9,10-11,13ċd-14
Qari II: Rum 8:9,11-13
L-Evanġelju: Rum 8:9,11-13





