L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Meta Ġesù għallimna nitolbu, għallimna ngħidu wkoll: “Tiġi saltnatek” (Mt 6:10). Quddiem Pilatu jammetti li huwa sultan (ara Mt 26:11).

Il-qari li għadna kemm smajna mill-Evanġelju ta’ San Mattew huwa l-aħħar diskors ta’ Ġesù qabel jibda l-mixja tal-passjoni tiegħu. Fil-fatt, kif jispiċċa dan id-diskors li għadna kemm smajna, Ġesù jħabbar li għandu bżonn imur Ġerusalemm u jsallbuh. Għalhekk, huwa diskors importanti li fih iħabbar li hu sultan u l-mod kif se jsaltan. Iħabbar ukoll dak li għandu jippretendi mis-sudditu tiegħu bħala sultan, minn kull wieħed u waħda minna.

F’dan id-diskors importanti Ġesù jinsisti li hu, bħala sultan u ragħaj, jitlob minna li nieħdu ħsieb lil xulxin. Jitkellem dwar sitt kategoriji ta’ nies li għandhom il-bżonn: min hu bil-għatx, min hu bil-ġuħ, min qiegħed il-ħabs, min hu barrani, u min hu marid. Jitlob minna li nkunu qrib tagħhom. Mhix kwistjoni ta’ kemm huma qrib jew ’il bogħod minna imma r-responsabbiltà li jitlob minna s-sultan tagħna huwa li aħna nkunu qrib tagħhom.

Dan is-sultan li huwa Ġesù, u li se jiġi biex jiġġudikana u qed jagħtina l-kriterju tal-ġudizzju li huwa l-imħabba, ma jagħmilx differenza bejn il-kulur tal-ġilda u r-razza, jew ir-reliġjon u l-orjentament sesswali. Jitkellem fuq dawn l-aħwa, l-iżgħar fost l-aħwa, u jgħid: “Dak kollu li intom għamiltu ma’ dawn l-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Mela jekk irrid tassew inkun qaddej fidil ta’ dan ir-re, qed jurini kif għandi nitrattah. Jekk hemm bżonn u nixtieq nitrattah tajjeb, nitratta tajjeb lil dawk ta’ madwari, mhux dawk biss li huma qrib jew tal-istess familja tiegħi jew tal-istess razza tiegħi, imma lil kulħadd.

Dan il-kliem huwa kliem ħafif biex tgħidu u iebes biex tgħixu għaliex ilkoll kemm aħna kultant insibu ruħna quddiem xi ħadd fil-bżonn u donnok ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel biex tgħin lil dak li jkun. Aħna bħala Knisja, bħala komunità li nemmnu f’Ġesù, nilqgħuh bħala s-sultan tagħna.

Matul is-sekli u matul iż-żmien, konna minn ta’ quddiem biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Dak kollu li l-poplu tagħna jagħmel biex jgħin b’dawn l-opri ta’ karità, qed jagħmilhom lil Ġesù stess. Tajjeb ukoll li meta nindunaw b’xi ħadd li nistgħu ngħinuh b’mod dirett, ma niddejqux nagħmluha, anke bħala soċjetà.

Mela ħija, oħti, tmurx fejn ma jesgħekx, tmurx fejn m’hemmx post imħejji għalik.

Aħna kultant, biex ngħidu hekk, naqmsu qalbna naraw sitwazzjonijiet madwarna ta’ persuni li qegħdin imutu fil-baħar mgħarrqin u donnok tħossok bla ħila. X’nista’ nagħmel? Dan huwa l-mument li aħna, mhux biss bi kliemna imma anke b’mod kif inġibu ruħna, nuru anke lil min għandu r-responsabbiltà li jinteressana minn dawn ħutna. Kultant tisma’ diskors li jweġġgħek. Meta niddisprezzaw lil dawn ħutna anke l-barranin, qed niddisprezzaw ir-re tagħna li qal: “Dak li tagħmlu magħhom qed tagħmluh miegħi”.

L-aħħar ħsieb li nixtieq naqsam magħkom huwa dwar xi ħaġa li ħafna drabi ninsewha imma importanti li nifhmuha. Meta  Ġesù jitkellem fuq il-premju, il-ġenna, jgħid li hija maħluqa għalina (ara Mt 25:34). Meta jitkellem fuq il-kastig, fuq l-infern, jgħid li hu mħejji għax-Xitan u l-anġli tiegħu (ara Mt 25:41). Kemm hu messaġġ sabiħ li tifhem li l-infern mhux maħluq għalik, dak mhux postok. Inti maħluq għall-ġenna. Dak hu l-post li Alla ħejja għalik. Mela ħija, oħti, tmurx fejn ma jesgħekx, tmurx fejn m’hemmx post imħejji għalik. X’għandi nagħmel? Meta tara xi ħadd fil-bżonn ftakar li r-re ta’ qalbek qiegħed iħabbat fuq qalbek biex tgħinu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 34, 11-12.15-17
Salm: 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6
Qari II: 1 Kor 15, 20-26.28
Evanġelju: Mt 25, 31-46