L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-kliem ta’ Ġesù hu kliem ta’ inkoraġġiment lid-dixxipli, u lilna wkoll. Tajjeb li nifhmu l-kuntest ta’ dan li qed jgħid Ġesù. Kien għadu kif qal lid-dixxipli, ftit qabel, li sejjer, u qalilhom “fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu”. Dan ħoloq ħafna mistoqsijiet, Pietru l-ewwel wieħed qallu: “Fejn sejjer, Mulej?” U Tumas qallu: “Aħna ma nafux fejn inti sejjer.”

Ġesù għaraf dan, li d-dixxipli kienu mħawdin, imbeżżgħin, konfużi. Għalhekk, hawnhekk, proprju qiegħed fil-bidu tad-diskors twil fl-Aħħar Ċena, mill-Evanġelju skont San Ġwann, Ġesù jgħidilhom: “tħallux qalbkom titħawwad”. Bi kliem ta’ inkoraġġiment, jgħin lid-dixxipli f’din l-esperjenza diffiċli tagħhom. Issa Ġesù nnifsu kien għaddej minn żmien veru diffiċli – l-għada kien se jkun maqtul, u hu kien jaf għal xiex kien dieħel. Imma, kif dejjem għamel mad-dixxipli, li ħabbhom u ħabbhom sal-aħħar, ried jgħidilhom kliem ta’ kuraġġ biex huma jibqgħu jiftakruh anke wara li jgħaddi mill-esperjenza hekk kiefra tal-passjoni u l-mewt tiegħu.

X’hemm isbaħ milli nafu li meta mexjin warajh, qegħdin fit-triq it-tajba u ma nidħlux fi sqaq; li nagħrfu l-verità li tgħinna biex ma nintrikbux mill-falsità, jew nimxu wara dak li hu gidba; u li napprezzaw id-don tal-ħajja li jgħinna biex naslu għall-ħajja ta’ dejjem!

Speċjalment hawnhekk, jgħidilhom u jenfasizza li hu qatt mhu se jabbandunahom. Jgħid: “Sejjer inħejjilkom post… biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” Il-messaġġ lilhom kien messaġġ importanti li hu qatt mhu se jitlaqhom. Huma kellhom dil-biża’ li mhux se jarawh aktar; għexu miegħu għal numru ta’ snin, u issa daqshekk. Imma hu ried jaċċertahom li qatt mhu se jħallihom weħidhom. Anke jekk huma mbagħad ħallewh waħdu, meta ħarbu u telqu kważi kollha, fil-passjoni u l-mewt tiegħu, Ġesù ried jgħidilhom dal-kliem biex jiftakruh. Imbagħad wara, meta qam mill-mewt, mar hu jfittixhom biex ikun magħhom u biex jgħidilhom: Jien nibqa’ magħkom dejjem.

Dan il-kliem hu kliem ta’ kuraġġ anke lilna, hu kliem importanti għalina wkoll fil-ħajja tagħna. Ġesù lilna wkoll jgħid: “Tħallux qalbkom titħawwad.” Lilna wkoll jgħid: “Sejjer inħejjilkom post… biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” Hu kliem importanti għax aktar ma jgħaddu s-snin minn fuqna, iktar nirrealizzaw kemm m’aħniex għal hawn. Mhijiex hawn id-destinazzjoni tagħna. Aħna mexjin lejn lil hinn mill-mewt. Dan forsi kultant iġib fina ċerta preokkupazzjoni, kultant anke biża’ jew dwejjaq. Dan il-kliem ta’ Ġesù hu kliem li lilna jagħmlilna kuraġġ biex aħna qatt ma nintrikbu minn dawn is-sentimenti ta’ biża’, ta’ preokkupazzjoni, imma nerħu ruħna f’idejh, hu li wegħidna li lilna wkoll iħejjilna post.

Hu jgħidilna x’għandna nagħmlu hawn: li aħna dejjem nimxu warajh, it-triq, il-verità u l-ħajja. X’hemm isbaħ minn din il-kelma ta’ Ġesù, x’hemm isbaħ! X’hemm isbaħ milli nafu li meta mexjin warajh, qegħdin fit-triq it-tajba u ma nidħlux fi sqaq; li nagħrfu l-verità li tgħinna biex ma nintrikbux mill-falsità, jew nimxu wara dak li hu gidba; u li napprezzaw id-don tal-ħajja li jgħinna biex naslu għall-ħajja ta’ dejjem! Dan il-kliem ta’ Ġesù hu kliem importanti għax kultant ngħixu f’dinja fejn hemm min anke dal-kliem ta’ Ġesù ma jdoqqlux. Ħa nieħdu, pereżempju, il-ħajja. Ġesù jridna nkunu dejjem favur il-ħajja. Imma hemm min, jekk jisimgħek tgħid “jien favur il-ħajja”, jew li qed nipprova li lit-tfal, lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ nedukahom biex jgħożżu l-ħajja, jeħodha bi kbira!

Għalhekk importanti li aħna nitolbu lil Ġesù biex iqawwina b’dan il-kliem tiegħu ta’ inkoraġġiment. Jgħinna biex nimxu ’l quddiem. Hu ma qalilniex li fil-ħajja m’aħniex se niltaqgħu ma’ diżappunti, preokkupazzjonijiet, mumenti diffiċli, lanqas li kultant ma naffaċċjawx il-qerq, imma aċċertana li jkun magħna. It-talba tagħna hi li aħna nkunu miegħu, nimxu warajh, u dejjem nagħrfuh bħala t-triq, il-verità u l-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju