L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej li qed niċċelebraw illum tgħinna nirriflettu fuq mument profond fil-ħajja ta’ Ġesù – mument li juri l-identità u l-missjoni tiegħu, mibnija fuq l-imħabba u s-servizz. Hi opportunità tajba speċjalment għalikom li qegħdin tħejju biex tidħlu għas-sagrament taż-żwieġ din is-sena. Din il-festa toffri dawl speċjali fuq dan il-vjaġġ li se tibdew, vjaġġ ukoll mibni fuq l-imħabba, l-għotja tagħkom lil xulxin, u l-grazzja divina.

Il-magħmudija: bidu ġdid

Fl-Evanġelju tal-lum, naraw lil Ġesù ġej lejn ix-Xmara Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni. Għalkemm kien bla dnub, Ġesù għażel li jidentifika ruħu mal-ħtieġa tat-tiġdid tal-umanità. Kien hu li qaddes l-ilma, mhux l-ilma li qaddes lil Ġesù. Il-magħmudija tiegħu mmarkat il-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu, missjoni ta’ mħabba u salvazzjoni.

Bl-istess mod, is-sagrament taż-żwieġ jimmarka bidu ġdid għalikom bħala koppja. Mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-imħabba tagħkom imma dħul f’missjoni qaddisa – li tirriflettu l-imħabba ta’ Alla lid-dinja permezz tar-relazzjoni tagħkom. Kif il-magħmudija ta’ Ġesù wriet b’mod ċar il-missjoni tiegħu, hekk ukoll iż-żwieġ li qed tħejju għalih se jkun juri din il-missjoni sabiħa li għaliha Alla sejħilkom: li tagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u tkunu sinjal ta’ tama fis-soċjetà Maltija llum.

Il-leħen mis-smewwiet: “Inti ibni l-għażiż”

Fil-magħmudija ta’ Ġesù, kif smajna fl-Evanġelju, is-smewwiet infetħu u l-leħen mis-sema, il-leħen tal-Missier, iddikjara: “Int ibni l-għażiż. Fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Lq 3:22). Din l-affermazzjoni ta’ mħabba u identità tfakkarna fl-oriġini ta’ kull imħabba li ġejja minn Alla.

Għax nissieħbu ma’ Ġesù, il-Missier jgħid din il-kelma fuq kull wieħed u waħda minna fil-magħmudija tagħna, u jkompli jgħidha tul ħajjitna kollha. Jgħidilna, lil kull wieħed u waħda minna: int ibni l-għażiż, int binti l-għażiża, fik sibt il-għaxqa tiegħi.

Fiż-żwieġ, intom imsejħa biex tkunu dan il-leħen għal xulxin. Fi żminijiet tajba u f’dawk diffiċli, il-kliem u l-għemejjel tagħkom għandhom dejjem jaffermaw: int l-għażiż tiegħi. inti l-għażiża tiegħi. Fik insib l-għaxqa tiegħi. Hu kliem li ma jkunx biss kliem imma li jkun tassew ħiereġ mill-qalb. Dan mhuwiex biss sentiment li tgħaddi, imma impenn biex tħarsu lejn xulxin b’għajnejn tal-fidi, u tirrikonoxxu x-xbieha ta’ Alla f’xulxin.

Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu

L-Evanġelju jgħidilna wkoll li l-Ispirtu s-Santu niżel fuq Ġesù fis-sura ta’ ħamiema. L-Ispirtu saħħaħ lil Ġesù għall-missjoni tiegħu, u bl-istess mod, hu dan l-Ispirtu li jseddaqkom fiż-żwieġ tagħkom.

Iż-żwieġ mhuwiex dejjem faċli. Se jkun hemm sfidi, kultant nuqqas ta’ ftehim, u sagrifiċċji li jkun hemm bżonn li tagħmlu. Imma l-Ispirtu s-Santu hu dak li jakkumpanjakom b’mod kostanti, li jagħtikom l-għerf, is-sabar, u l-kuraġġ biex tgħixu b’mod għaqli dawn il-mumenti flimkien. Inħeġġiġkom biex tistiednu lill-Ispirtu s-Santu fir-relazzjoni tagħkom kuljum permezz tat-talb, permezz tal-imħabba u l-maħfra, u permezz tal-għemejjel tajba. Inħeġġiġkom ukoll biex tgħixu din l-esperjenza tal-Ispirtu ta’ Alla speċjalment bil-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd flimkien, li tant iġġib barka lilkom fil-ħajja taż-żwieġ tagħkom.

Iż-żwieġ: sagrament ta’ servizz

Il-magħmudija ta’ Ġesù ma kinitx biss dwaru nnifsu, b’mod li toħroġ ċara l-identità tiegħu; kienet ukoll dwar il-missjoni tiegħu li jservi lil ħaddieħor. Bl-istess mod, iż-żwieġ tagħkom mhuwiex biss għall-hena tagħkom imma għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja, għall-ġid tal-oħrajn. Permezz tal-imħabba tagħkom, issiru xhieda tal-patt ta’ Alla – sinjal ħaj tal-fedeltà u l-ħniena tiegħu.

Aħsbu fid-dar tagħkom futura bħala knisja żgħira, post fejn Kristu huwa preżenti fl-imħabba, fl-ospitalità, u fil-kura tagħkom għall-oħrajn. Iż-żwieġ tagħkom huwa vokazzjoni, sejħa biex tkunu strumenti tal-imħabba ta’ Alla l-ewwel għal xulxin imma wkoll għall-familja tagħkom, ħbieb, u saħansitra għan-nies li ma tafux.

Ispirazzjoni

Hekk kif niċċelebraw il-magħmudija tal-Mulej, niftakru li l-missjoni tiegħu bdiet b’att ta’ umiltà, imħabba, u ubbidjenza għar-rieda tal-Missier. Jalla dan ikun ta’ ispirazzjoni għalikom hekk kif tħejju ruħkom għas-sagrament taż-żwieġ.

Ħa jgħinkom il-Mulej tegħlbu kull ostaklu għall-imħabba lejn xulxin, ma tħallu lil ħadd jidħol fin-nofs u jtellef l-għotja tagħkom lil xulxin, u tfittxu dejjem l-għajnuna mingħand min jista’ verament jagħmlilkom il-ġid.

Ħa jkun il-vjaġġ tagħkom mimli bil-grazzja ta’ Alla, il-gwida tal-Ispirtu s-Santu, u l-assigurazzjoni li intom maħbubin mill-Missier. Meta tieqfu quddiem l-artal fil-jum tat-tieġ tagħkom, ħa tisimgħu f’qalbkom l-istess kliem li qal il-Missier lil Ġesù: “Inti ibni l-għażiż. Fik sibt il-għaxqa tiegħi.”

Nitlob lil Alla jberikkom f’din it-triq qaddisa, u jalla ż-żwieġ tagħkom ikun dawl fid-dinja li jirrifletti s-sbuħija tal-imħabba eterna ta’ Alla, miftuħ ukoll għal kull don ta’ ħajja ġdida li Alla jagħtikom fi ħdan iż-żwieġ tagħkom.

Talba

Nagħmel din it-talba speċjalment għalikom li se tiżżewġu dis-sena: Missierna li inti fis-smewwiet, bierek lil dawn il-koppji hekk kif iħejju ruħhom għas-sagrament taż-żwieġ. Imla l-qlub tagħhom bl-imħabba tiegħek, saħħaħ l-impenn tagħhom, u mexxihom bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu. Ħa tkun l-għaqda tagħhom rifless tal-grazzja tiegħek u xhieda tal-imħabba fidila tiegħek, u ħa jgħixu dejjem il-kliem li inti għedt u li llum infakkru fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej: fik sibt il-għaxqa tiegħi.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti