L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dak il-lejl ma qabdu xejn” (Ġw 21:3). Dan hu li naqraw fuq dawn id-dixxipli ta’ Ġesù li ddeċidew li jmorru ma’ Pietru jistadu. Għamlu lejl sħiħ u ma qabdu xejn. Imma ftit wara, fl-Evanġelju jgħid li “waddbu x-xibka, imbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut!” (Ġw 21:6). X’ġara? Aħna nafu li fil-fatt dawn, meta reġgħu lura x-xatt, raw lil xi ħadd hemmhekk – li kien Ġesù, imma ma għarfuhx – u dan qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu” (Ġw 21:6).
Tolqtok kif dawn kellhom xi ħaġa fihom li tgħidilhom: agħmlu kif qed jgħidilkom dan. Għaliex mhux normali li dawn, li kienu nies jifhmu fis-sajd, jiltaqgħu ma’ xi ħadd, u wara lejl sħiħ jitħabtu, ma jaqbdu xejn, dan jgħidilhom: agħmlu hekk u ssibu. Imma dawn għamlu kif qalilhom Ġesù, u l-Evanġelju jgħid li mhux biss qabdu xi ftit ħut, imma tant qabdu ħut. Kienet qabda kbira, u x-xibka ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut.
X’jurina dan l-Evanġelju? Hawnhekk hija d-dehra ta’ Ġesù Rxoxt. U juri d-differenza kbira li jagħmel Ġesù li hu ħaj. Huma għarfuh lil Ġesù proprju minn dan – minn din il-kelma li qalilhom li, fil-fatt, rawha sseħħ b’abbundanza. U nifhmu li għarfuh minn dan, għax kien hemm drabi oħra – San Luqa jirrakkonta meta darba Ġesù qal lil Pietru: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5:4). U dik inhar Pietru qallu: “Għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). U dik inhar ukoll qabdu tant ħut li l-Evanġelju jgħid li bilkemm setgħu jiġbdu x-xibka bil-ħut u kellhom isejħu l-għajnuna.
Għalhekk ftakru li Ġesù hu dak li bil-kelma u bil-preżenza tiegħu jagħmel id-differenza kollha. Hemmhekk lid-dixxipli Ġesù kien qed jurihom kif hu dak li rebaħ il-mewt, li huwa ħaj, u li l-kelma tiegħu għandha din il-qawwa. Ħaġa li tolqotna ħafna f’dan l-Evanġelju hu li meta dawn ġew lura wara li qabdu dak il-ħut kollu, indunaw li Ġesù kien qiegħed hemmhekk fix-xatt, bil-faħam jaqbad, u kellu ftit ħut u ħobż. Jiġifieri meta Ġesù staqsiehom jekk għandhomx xi ħaġa x’jieklu, fil-fatt kellu hu, jew seta’ jipprovdi hu, għaliex kellu diġà miegħu. Imma x’naraw f’dan? Li Ġesù, għalkemm seta pprovda – seta qalilhom: intom ma qbadtu xejn, issa ħallu f’idejja, ħa nagħmel xi ħaġa jien; u jagħtihom dak il-ħin – imma Ġesù ried li huma jerġgħu jitħabtu, fid-direzzjoni li jgħidilhom hu, u hemm jaqbdu l-ħut.
X’ifisser dan? Għalina jfisser ħafna fil-ħajja tagħna. Ifisser li aħna għandna lil Ġesù li hu ħaj u li l-kelma tiegħu tagħtina d-direzzjoni t-tajba f’ħajjitna. Il-kelma tiegħu nafu li hi vera. Jekk nisimgħu lilu, nafu li jkollna l-ġid u l-ġid bl-abbundanza fil-ħajja tagħna. Imma li jrid minna hu li aħna nagħmlu l-parti tagħna; li aħna mhux sempliċiment norbtu idejna u ngħidu “issa l-Mulej jipprovdi!” Il-Mulej veru jipprovdi, imma jrid li aħna nagħmlu l-ħidma tagħna, fid-direzzjoni li jurina hu. U meta nagħmlu hekk, nindunaw li verament il-Mulej jipprovdi, u jipprovdi bl-abbundanza.
Nitolbu lill-Mulej illum li jkollna din il-fiduċja sħiħa fih, fil-kelma tiegħu, fil-preżenza tiegħu ħajja fostna; imma wkoll jagħtina l-grazzja li aħna nagħrfu dak li għandna nagħmlu, fid-direzzjoni li jurina hu, biex il-ħidma tagħna tħalli tassew ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




