Kon-Katidral ta’ San Ġwann
26 ta’ Marzu 2016
Grupp ta’ nisa mal-ewwel jum tal-ġimgħa, mas-sebħ, imorru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù bil-fwejjaħ li kienu ħejjew. L-Evanġelju tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet (Mk 16, 1-8) jibda b’din l-immaġini, b’din ix-xena. Il-fwejjaħ li qegħdin iġorru n-nisa kien biex jidilku l-katavru, u meta marru jfittxuh sabu qabar vojt. Il-fwejjaħ li kellhom f’idejhom ħin minhom biddlu s-sinifikat tagħhom: ma baqgħux il-fwejjaħ li jridu jgħattu ġisem li qiegħed jiddekomponi u jinten, biex jippruvaw jippreservawh kemm jista’ jkun – imma saru l-fwieħa tal-qawmien għall-ħajja. Bir-raġun l-appostlu Missierna jgħidilna li, “aħna nwasslu l-fwieħa ta’ Kristu” (2 Kor 2:15).
L-ewwel domanda li rridu nagħmlu lilna nfusna llum hija: hemm fina xi ħaġa li għandha bżonn titgħatta bil-fwieħa għaliex nitnet, għax taf mill-qadim? Ejjew inpoġġuha f’riġlejn Ġesù biex jgħaddina mill-mewt għall-ħajja, mid-dnub għall-grazzja.
It-tieni ħsieb huwa li l-ewwel xhieda ta’ dawn in-nisa hija interpretata mill-appostli bħala thewdin. Id-diskors tagħhom l-appostli hekk stħajluh u din hija wkoll it-tentazzjoni tad-dinja li meta tiltaqa’ magħna l-Insara u nħabbrulhom l-Hallelujah tal-Għid, jgħidu: ‘u dawn affarijiet tan-nanniet, dan thewdin’.
Aħna llum irridu nissieħbu ma’ Pietru u b’ġirja waħda lejn il-qabar vojt ta Ġesù, nitbaxxew biex inħarsu, ma narawx ħlief il-faxex, imma nerġgħu lura d-dar mgħaġġba b’dak li ġara’. Kif stagħġbu r-ragħajja quddiem it-tarbija ta’ Betlem meta semgħu lill-anġli jgħidulhom: “Inħabbrulkom ferħ kbir, illum tweldilkom Salvatur” (Lq 2, 10-11), aħna u nerġgħu nirritornaw, din id-darba f’Ġerusalemm mhux f’Betlehem, biex naraw il-qabar vojt ta’ Ġesù, nitgħaġġbu b’aħbar sabiħa. “L’għala qegħdin tfixxtu qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom” (ara Mk 16, 6).
Meta wieħed jibda jaqra’ l-Evanġelju bl-umiltà tal-qalb, jirrealizza li min qed jirrakonta, qed jirrakonta ġrajja straordinarja, imma qed ilaqqgħana wkoll ma’ persuna straordinarja, ma’ Ġesù ta’ Nazaret, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, il-Kristos, il-Midluk, il-Messija li miet msallab u qam mill-imwiet. Jgħidilna l-appostlu Missierna, “aħna tgħammidna fil-mewt ta’ Ġesù” (Rum 6, 3).
X’jiġifieri Magħmudija? Din b’mod speċjali ngħidha lil Josef u lil Daniel (l-imgħammdin ġodda). X’jiġifieri Magħmudija? Full immersion! Inti tidħol f’realtà ġdida bħal meta fis-sajf togħdos fil-baħar! Illum intom titgħammdu f’Ġesù. You will be fully immersed in Jesus – ħajjitkom tidħol f’Ġesù u Hu jidħol f’ħajjitkom. Meta l-appostlu Missierna jgħid “tgħammidna fil-mewt ta’ Ġesù jfisser li aħna għaddejna mit-tbatija tiegħu. Ħassejna wkoll it-turufnament tal-Mulej li hija l-bogħod: ‘għaliex tlaqtni?’ Għaddejna mit-tentazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet faċli fil-ħajja li ma jeżistux. Illum il-Mulej la għaddejna mill-mewt miegħu, iqajjimna għall-ħajja ġdida, jaħfrilna dnubietna kollha kemm huma – huma x’inhuma – kollha kkanċellati u jagħtina ħajja ġdida, bidu ġdid.
Il-libsa bajda, li mal-imgħammdin adulti se nagħmlu xalla pulita, mhux konfratija – dik il-libsa bajda li se tingħatalkom hija sinjal ta’ dan l-impenn. Tgħidli: ‘jien kif se jirnexxili ta’ adult din il-libsa bajda tal-Magħmudija nżommha bla tebgħa?’ Taqtax qalbek, ħija l-għażiż, għax il-Mulej fl-għerf u l-ħniena tiegħu, għamel it-tieni magħmudija li jisimha l-Qrar – li jekk l-ewwel waħda ma tistax tirrepeti ruħha, it-tieni waħda tirrepeti ruħha kemm hemm bżonn. Għaliex? Għax il-kelma li jagħtina l-Mulej permezz tal-profeta Isaija hija din: “b’imħabba ta’ dejjem inħenn għalik, igħid il-Mulej, il-feddej tiegħek” (Is 54, 8). F’din is-sena tal-ħniena, llum nifirħu u nirringrazzjaw lil Alla għaliex fil-qawmien mill-mewt ta’ Ibnu, qegħdin nixhdu u nkunu xhieda tal-ikbar ħniena.
I would like to welcome Bishop Andrej from the Serb Orthodox Church who has honoured us with his presence. My dear brother, welcome to our home as we celebrate Easter and let us pray for unity. The Gospel today was announced in Maltese and it was also announced in Serb – the same Gospel, the same Good News, in different languages, from different traditions, but the same Word of Jesus. This is the witness we need to give to the world of reconciliation, of a thirst for unity to be able to witness to the risen Christ.
Io voglio dare anche il benvenuto ai nostri amici Italiani che stasera confermeranno la loro fede in Gesù crocifisso, e risorto con il Chrisma. Proprio benedetto giovedi scorso, che sia per voi questa Santa notte un nuovo inizio nel cammino Cristiano.
Ejjew nitolbu biex il-ferħ li jimla l-qalb tagħna llum ikun ferħ ta’ veru.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta