L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fil-ġrajja mqallba tat-tempesta li fiha sab ruħu l-ġifen li fuqu kien hemm Pawlu, li spiċċa f’nawfraġju ma’ gżira “jisimha Malta” (Atti 28:1), żgur li jolqotna ħafna l-Prinċep tal-gżira, Publju. Ftit hemm fuqu fl-Atti tal-Appostli, imma l-ftit li hemm jgħidilna ħafna fuq Publju li bir-raġun inqimuh bħala Patrun mhux biss tal-Furjana imma ta’ Malta.

Nixtieq li nsemmi tliet punti li joħorġu b’mod tant ċar fir-rakkont tal-Atti tal-Appostli, u li huma ta’ għajnuna għalina f’ħajjitna.

Publju: refuġju tal-barranin

In-nies ta’ fuq il-ġifen li ħabat mal-gżira, li kienu b’kollox mitejn sitta u sebgħin, kienu kollha kemm huma barranin. Ma kinux nies li joqogħdu f’Malta u li ħarġu dawra fil-baħar u sabu ruħhom f’diffikultà. Kienu barranin li spiċċaw imsabbta mal-gżira, u l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid fuq il-Maltin “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” u jirrepeti: “laqgħuna tajjeb lilna lkoll” (Atti 28:2). Dawk li ħelsu mill-għarqa, li ħelsu wkoll mill-qtil għax is-suldati ta’ fuq il-ġifen riedu joqtluhom, lil dawn sabu. Sabu lill-Maltin li kienu lesti jilqgħu lill-barranin.

Imma l-Atti tal-Appostli ma jsemmix biss lin-nies tal-gżira imma jsemmi wkoll speċifikament lill-Prinċep tal-gżira, Publju. U fuqu jgħid: “Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlett ijiem” (Atti 28:7). F’Publju sabu refuġju. Kemm hu sabiħ meta tara l-mexxej ta’ dak iż-żmien li għaraf jilqa’ lill-barranin u jagħmel dan, fi kliem l-Atti tal-Appostli, “bil-qalb kollha”. Mhux fuq qalbu, mhux għax ma setax jagħmel mod ieħor, imma bil-qalb kollha.

Dan hu l-ewwel messaġġ għalina biex aħna nagħrfu nilqgħu l-ewwel nett lil xulxin bil-qalb kollha, u nilqgħu wkoll lill-barranin, speċjalment dawk li jsibu ruħhom bejn sema u ilma bir-riskju li jispiċċaw mgħarrqa. Publju aktarx kien għadu ma semax il-kliem ta’ Ġesù “kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35), imma kien diġà qed jgħix dan il-kliem. Kellu jisma’ aktar tard, aktarx minn Pawlu nnifsu, il-kliem li qal Ġesù: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għalhekk nistgħu ngħidu li bla ma kien jaf, Publju laqa’ lil Ġesù meta laqa’ lill-barrani. Għax kien lest li jilqa’, laqa’ wkoll lil Pawlu li spiċċa benefattur tiegħu għax fejjaqlu lil missieru. Għax kien qalbu miftuħa, seta’ jduq il-qawwa tal-fejqan ta’ Ġesù.

Publju: protettur tal-ħajja

Nistgħu ngħidu li Publju huwa l-protettur tal-ħajja ta’ Pawlu u tan-nies li kienu miegħu fil-ġifen. Għal Publju, il-ħajja umana kienet għażiża. Kienet għażiża ħafna l-ħajja ta’ missieru, li ried li jfiq, imma kienet għażiża wkoll il-ħajja tal-priġunieri li spiċċaw waslu Malta fin-nawfraġju tal-ġifen. Publju jagħtina messaġġ qawwi favur il-ħajja u l-protezzjoni tal-ħajja umana, hi ta’ min hi, u hi kif inhi. Hu dak li għandu rispett kbir lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.

Kemm hu importanti fi żmienna li nerġgħu niftakru f’din l-għożża tal-ħajja li jgħallimna Publju! Aħna l-Maltin għandna karatteristika sabiħa: li l-ħajja umana bqajna ngħożżuha tul is-snin u nipproteġuha. Aħna għandna f’demmna li kull ħajja umana għandha tiġi mħarsa. Ma nagħmlux distinzjoni: din il-ħajja umana għandek issalvaha, u l-oħra għandek teqridha. Fid-drittijiet fundamentali li nemmnu fihom aħna, ħadd mhu eskluż mill-protezzjoni ta’ ħajtu jew ta’ ħajjitha.

Għandna nkunu kburin b’dawk il-Maltin li llum kapaċi jkomplu jipproteġu l-ħajja umana dejjem, anke meta jkollhom lil nies oħra mill-Ewropa jew xi parti oħra tad-dinja li jgħidulhom: il-ħajja umana li ma twelditx tista’ tarmiha, tista’ tiddisponi minnha! Publju jħeġġiġna biex inkomplu ngħidu b’qawwa: le, ma neqirdux il-ħajja umana li għadha ma twelditx għax kull ħajja umana għandha tiġi mħarsa b’dinjità, għax kull ħajja umana hi għażiża. Kemm jekk hi ta’ min hu b’saħħtu kif ukoll ta’ min hu dgħajjef, kemm jekk hi ta’ xi ħadd adult kif ukoll ta’ xi ħadd anzjan, kemm jekk hi ta’ min diġà twieled kif ukoll ta’ min tnissel imma għadu ma twelidx. Kull ħajja umana għalina hi għażiża, u iktar ma hi dipendenti u vulnerabbli iktar nagħmlu ħilitna biex nipproteġuha!

Publju: mexxej responsabbli

Publju jolqotna wkoll bħala mexxej responsabbli. Kellu kariga importanti, kien jiġi l-ewwel fit-tmexxija tal-gżira, u għaraf jaqdi din il-kariga bl-aħjar mod. Baqa’ msemmi għalhekk: għax fil-mument tal-prova ma beżax jerfa’ r-responsabbiltà tal-kariga li kellu.

Publju jagħtina dan il-messaġġ li jiswa għal ħajjitna: irridu nagħrfu nerfgħu r-responsabbiltà tagħna, mhux infarfruha fuq ħaddieħor fil-waqtiet diffiċli. Din tgħodd għal min qed imexxi lil pajjiżna, imma tgħodd ukoll għalina lkoll skont il-funzjoni li għandna fis-soċjetà.

Ir-responsabbiltà tagħna nerfgħuha mhux biex nogħġbu lil ħaddieħor, jew biex nimxu mal-kurrent, imma għax hekk għandna nagħmlu, ukoll meta titlob minna li nieħdu deċiżjonijiet ibsin u mhux popolari. Lilna l-Mulej isejħilna biex il-kejl ta’ dak li għandna nagħmlu ma jkunx x’jaħsbu n-nies, x’jaħsbu l-parti kbira tan-nies, imma jkun kif naqdu b’responsabbiltà d-dmirijiet tagħna.

Nitolbu llum lill-Mulej biex f’din il-festa ta’ San Publju jkompli jimliena bl-ispirtu tiegħu u jgħinna nkunu bħal San Publju nies ta’ qalb kbira li lesti nilqgħu lill-oħrajn; nies li ngħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha; u nies li nagħrfu naqdu d-dmirijiet tagħna b’responsabbiltà kbira.

Nagħmlu llum it-talba ħerqana kif fissirha Dun Frans Camilleri fl-Innu lil San Publju:
“Publju mqaddes u ħanin
Ħares dejjem lill-Maltin!”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju