L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

F’dan iż-żmien ta’ pandemija li għexna u għadna qed ngħixu, kemm-il darba fakkarna lil xulxin kemm hemm bżonn insegwu l-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn, l-użu tas-sanitiser, eċċ. Imma wkoll daż-żmien fakkarna li hemm xi miżuri li tajjeb li nsegwuhom, anke meta ma jkunx hawn pandemija. Waħda minnhom hi l-ħasil tal-idejn, u l-ħasil tal-idejn qabel l-ikel. Hekk aħna mdorrijin nagħmlu, u hekk għandna nagħmlu u hi ħaġa tajba, u hekk jgħallmu l-ġenituri lit-tfal tagħhom mindu żgħar. Għalhekk forsi tiġina l-mistoqsija, kif nisimgħu l-Evanġelju tal-lum: dan għaliex Ġesù għamel plejtu sħiħ meta qalulu li d-dixxipli tiegħu ma kinux qed jaħslu jdejhom qabel jieklu?

Ġesù, hawnhekk u f’partijiet oħra tal-Evanġelju, juri ċar li hu mhuwiex kontra dawk id-drawwiet li huma tajbin. Anzi jrid li aħna nsegwu dawk il-miżuri li huma importanti għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tagħna. Hu stess kien isegwi diversi drawwiet u tradizzjonijiet, u jaf li dawn huma meħtieġa għall-ordni fis-soċjetà.

L-oġġezzjoni ta’ Ġesù

X’kienet l-oġġezzjoni ta’ Ġesù? Insibuha ċara fil-kelma li qal lill-Fariżej u lill-kittieba: “intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin”. Id-diffikultà kbira kienet hawn: mhux li kellhom tradizzjonijiet differenti li jsegwuhom, imma li huma – li kien mgħallmin tar-Reliġjon – kienu żvujtaw il-prattika tar-Reliġjon minn dak li hu l-aktar importanti u essenzjali, u rabtu din il-prattika ma’ ħafna tradizzjonijiet u drawwiet. Għalhekk li qed jgħidilhom Ġesù hu li qed jitilfu l-essenzjal: qed twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla, u tintrabtu mat-tradizzjonijiet taż-żmien li jinbidlu.

Fuq dan Ġesù kellu kritika qawwija lill-Fariżej. Magħha mbagħad iżid ħaġa importanti, meta jgħid – u din jgħidha lin-nies kollha – mhux dak li jidħol ġewwa li jtebba’ lill-bniedem, imma dak li joħroġ minn ġewwa, mill-qalb, dak hu li jtebba’ lill-bniedem. Hawnhekk isemmi diversi affarijiet: ħsibijiet ħżiena, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja, bluha. Għamel lista sħiħa. Qed jgħid Ġesù: dan jiġi minn qalb imħassra; minn ġewwa li joħroġ dan kollu, mhux minn xi ħaġa barra li qed teħodha fuqek. Dan kollu jmur kontra l-kmandamenti u l-Kelma ta’ Alla.

L-esperjenza tal-ħajja

Lilna llum Ġesù jagħtina dawn iż-żewġ messaġġi importanti. L-ewwel nett, li aħna naħdmu biex qalbna tkun qalb marbuta miegħu, mimlija bl-imħabba tiegħu, li minnha ma joħroġx dak il-ħażen li qed isemmi Ġesù llum. Aħna nafu li aktar ma l-qalb tkun imħassra, aktar jiġi vvintat il-ħażen. Imma nafu wkoll li minn qalb magħquda miegħu, qalb mimlija mħabba, joħroġ ħafna tajjeb. Għalhekk li nitolbu llum hu li jkollna qalb magħquda miegħu, qalb tixbah lil tiegħu, biex minnha joħroġ it-tajjeb.

Min jinsulta, l-aktar li qed jgħid hu fuqu nnifsu. Qed jgħid: ‘jiena qalbi mħassra, għalhekk lil ħaddieħor nsawtu bi kliemi’.

Dan li semma Ġesù narawh fil-fatt fl-esperjenza tagħna fil-ħajja. Biżżejjed issemmi kultant kummenti li taqra online, insulti li taqra online, li meta taqrahom tgħid: dawn huma frott ta’ qalb imħassra. Min jinsulta, l-aktar li qed jgħid hu fuqu nnifsu. Qed jgħid: jiena qalbi mħassra, għalhekk lil ħaddieħor nsawtu bi kliemi.

Imma Ġesù jgħid ukoll xi ħaġa importanti speċjalment għalina li nemmnu: biex aħna ma niżvujtawx il-prattika tal-fidi tagħna minn dak li hu importanti u norbtuha ma’ drawwiet reliġjużi. Id-drawwiet reliġjużi huma sbieħ, basta jirriflettu ħajja fejn qed nimxu skont il-kmandamenti ta’ Alla. Inkella jkun hemm vera kontradizzjoni.

Naraw dan milli qal Ġesù stess. Pereżempju, jekk xi ħadd iħobb idur mal-istatwa tal-Madonna, iżejjinha, jixgħelilha, imma mbagħad fil-ħajja ordinarja jkasbarha bid-dagħa, bi kliemu. Hemm kontradizzjoni kbira! Jekk xi ħadd iħobb id-drawwiet reliġjużi, imma mbagħad jgħix ħajja ta’ korruzzjoni, ta’ regħba, ta’ qerq tal-oħrajn, hemm kontradizzjoni kbira! Hemm faċċata li warajha mhux it-tajjeb hemm, imma l-ħażin. Għalhekk Ġesù jgħid li hu importanti li naħdmu biex qatt ma nkasbru l-kmandamenti ta’ Alla imma ngħixuhom.  

Issa jista’ jiġri li bniedem jiżbalja, jitlob maħfra; imma li qed jgħid Ġesù hu meta wieħed jagħżel dan bħala stil ta’ ħajja; li wieħed ikun kuntent li l-ħajja ta’ prattika tar-Reliġjon hi faċċata biss, imma wara hemm it-tkasbir tal-kmandamenti ta’ Alla. Id-drawwiet reliġjużi huma sbieħ, u għandna nirrispettaw id-drawwiet reliġjużi u nħeġġuhom, basta ma jkunux biss faċċata li warajha m’hemmm xejn, jew agħar u agħar, hemm it-tkasbir tal-kmandamenti ta’ Alla.

Nitolbu llum lill-Mulej biex jagħtina din il-grazzja, l-ewwel nett ta’ qalb li tkun mimlija mħabba li minnha joħroġ biss il-ġid, u qalb ġeneruża. Imbagħad ukoll li nagħrfu nimxu skont il-kmandamenti tiegħu u ma jkollniex faċċata li qed turi mod u ħajja li hi mod ieħor quddiem Alla. Nafu li Alla jara l-qalb u jrid li dak li nagħmlu jkun tassew jirrifletti ħajja fejn aħna nosservaw, ngħixu u ngħożżu l-kmandamenti tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju