L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“L-għerf hu spirtu li jagħmel il-ġid” (Ktieb tal-Għerf 1:6). Din is-sentenza mill-Ktieb tal-Għerf tiġbor dak li nixtieq nawguralkom, għeżież studenti li qed tiċċelebraw Jum il-Gradwazzjoni tagħkom. Max-xewqa hija wkoll it-talba tiegħi biex il-Mulej jagħtikom l-għajnuna ħalli l-għerf li intom ksibtu jkun tassew spirtu li jagħmel il-ġid.
Żgur li meta tħarsu lura lejn is-snin tagħkom fl-Università, hemm ħafna ta’ xiex illum tirringrazzjaw lil Alla. Fil-mixja tagħkom tal-istudju, iltqajtu mas-sabiħ u mal-iebes, kellkom tagħmlu sagrifiċċji imma kellkom ukoll l-għajnuna ta’ diversi nies biex illum wasaltu għal Jum il-Gradwazzjoni tagħkom. Għenukom dawk l-edukaturi u l-membri tal-istaff tal-Università li kienu ta’ appoġġ fl-istudji tagħkom, kif ukoll nies qrib tagħkom, biex issa tistgħu taħsdu l-frott tal-istudji tagħkom.
Il-ġustizzja u s-sewwa
Biex l-għerf ikun spirtu li jagħmel il-ġid, irid ikun għerf li jħobb il-ġustizzja u s-sewwa, u jaħrab il-qerq. Dan hu li l-Kelma ta’ Alla tgħidilna llum: “Ħobbu l-ġustizzja… aħsbu fuq il-Mulej, kif inhu sewwa, u fittxuh b’qalb safja” (Ktieb tal-Għerf 1:1).
Inħeġġiġkom biex tibnu l-ħajja u l-ħidma tagħkom fuq dawn il-valuri li twasslilna l-Kelma ta’ Alla. L-esperjenza tal-ħajja turina kemm din il-Kelma hija vera. Nafu li fejn ma hemmx ġustizzja, ħsara ssir. Il-Papa Benedittu XVI kien iħobb jikkwota lil Santu Wistin, li fil-ktieb tiegħu Il-Belt ta’ Alla jgħid: “L-Istat li ma jimxix b’ġustizzja, x’ikun jekk mhux ġemgħa ta’ ħallelin?” Dal-kliem tiegħu mhuwiex biss ta’ dawl għal min għandu r-responsabbiltà ta’ tmexxija ċivili, imma għal kull min b’xi mod irid jagħti kontribut siewi u ta’ ġid fis-soċjetà.
Il-fidi li aħna nħaddnu tagħtina d-dawl li neħtieġu. Għalhekk il-Ktieb tal-Għerf jgħid: “Aħsbu fuq il-Mulej u fittxuh b’qalb safja”. Billi hi ġejja mill-ħsieb ta’ Alla, il-fidi teħles ir-raġuni mid-difetti tal-għama tagħha, u għalhekk tgħinha tkun aħjar. Il-fidi tagħti lir-raġuni l-ħila biex twettaq aħjar il-ħidma tagħha u li tara aħjar dak li hu proprju tagħha.
Il-fidi twassal għal impenn fis-soċjetà
Nixtieq ninkuraġġikom biex tissaħħu fil-fidi u tagħrfu kif din twassalkom għal impenn soċjali u politiku mibni fuq ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, u l-valuri li tassew jibnu l-ħajja tal-bniedem. Il-fidi ma tagħlaqniex fina nfusna, ma tħalliniex ningħalqu fid-dinja egoista tagħna. Il-Papa Franġisku meta kellem l-istudenti tal-Università f’Lisbona (3 ta’ Awwissu 2023) qal hekk: “Għandna nitħassbu meta nkunu lesti biex it-triq li għandna nterrqu nibdluha ma’ waqfa f’xi post komdu, basta dan itina l-illużjoni tal-kumdità; meta l-uċuħ nibdluhom mal-iskrins, dak li hu reali mal-virtwali; meta minflok il-mistoqsijiet li jiddisturbawna, nippreferu tweġibiet faċli li jilluppjawna.”
Il-fidi toħroġna ’l barra minna nfusna biex nistgħu nagħtu sehem li jkun tassew ta’ ġid. Għalhekk, nagħmlilkom appell biex tagħrfu kif fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħkom tagħtu kontribut siewi lis-soċjetà Maltija.
Kontra t-telqa u l-passività
Jista’ jkun li kultant ninġibdu lura minħabba d-dgħufija u l-limitazzjonijiet tagħna, jew minħabba l-ambjent ta’ madwarna li jiskuraġġina. Ġesù fl-Evanġelju llum jgħid: “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli. Imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom” (Luqa 17:1). Kif smajna, għandu kliem iebes ħafna għal min jagħti skandlu – jgħid li aħjar jorbtulu ġebla ta’ tħin ma’ għonqu u jitfgħuh ’il baħar. Fi ftit kliem qed jgħid: aħjar jitqiegħed f’pożizzjoni fejn żgur ma jistax jagħmel aktar ħsara.
L-iskandli jħallu effett ta’ ħsara kbira fuq is-soċjetà, speċjalment meta jkun hemm wieħed fuq ieħor – u dan mhux biss minħabba l-qerq u l-inġustizzja u d-diżonestà, imma għax jistgħu jaqtgħu qalb min irid jagħmel il-ġid, jitfu l-ħeġġa, u joħolqu ambjent ta’ telqa u passività.
Ma nkunux kompliċi fil-qerq u l-korruzzjoni
Nixtieqkom tiftakru kemm jiswa għalina lkoll li nkunu ffurmati b’valuri umani sodi li jgħinuna ma nkunux kompliċi fil-qerq, fil-korruzzjoni, f’dak kollu li jnawwar is-soċjetà; imma fl-istess waqt jgħinuna biex naħdmu ħalli nagħtu sehemna għal soċjetà ġusta li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.
Infakkarkom f’dak li kiteb Ġwanni Pawlu II, meta ħeġġeġ lill-Insara biex ma jibqgħux lura milli jieħdu sehem fil-ħajja politika – jiġifieri f’dawk l-oqsma kollha ekonomiċi, soċjali, leġislattivi, amministrattivi u kulturali li bħala għan għandhom li jġibu ’l quddiem il-ġid ta’ kulħadd, b’mod organizzat, f’istituzzjonijiet partikulari mwaqqfa għal dan l-iskop. Jgħid hekk: “L-akkużi ta ambizzjonijiet esaġerati, ta’ rebgħa għall-poter, ta’ egoiżmu u ta’ korruzzjoni, li spiss isiru lil min ikun qed imexxi l-pajjiż, lid-deputati tal-parlament, lill-klassi tal-mexxejja, lill-partiti politiċi, flimkien mal-fehma mxerrda ħafna li l-politika hi post ta’ perikolu morali żgur, bl-ebda mod ma jiskużaw lil-lajċi nsara li jżommu ruħhom ’il barra mill-politika u ma jemmnu fiha xejn.” (Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici, 42).
L-għożża tal-ħajja u tad-dinjità tal-bniedem
Hawnhekk irridu ċertament inwessgħu l-viżjoni u naraw dak li qed jiġri fid-dinja. Ma nistgħux, anke llum waqt li nifirħu bis-suċċessi fil-qasam tal-istudji, ma niftakrux f’tant nies li minħabba l-gwerer u l-vjolenza mhumiex f’qagħda mhux biss li jkomplu l-istudji tagħhom imma wkoll li jgħixu fil-paċi.
Insemmi dak li ġara u qed jiġri fl-Ukrajna, vittma tal-agressjoni kontinwa, u dak li ġara f’Israel u qed jiġri f’Gaża: l-atroċitajiet, il-barbariżmi li seħħew imma wkoll li għadhom iseħħu issa fejn ħafna nies, ħafna tfal, huma vittmi tal-vjolenza, tad-disprezz lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Hija vjolenza li ġġib vjolenza dejjem akbar. Kif irrepeta l-Papa Franġisku: il-gwerra hija dejjem telliefa.
Għeżież studenti, awguri mill-qalb għall-professjoni tagħkom. Jalla tkunu tistgħu tgawdu l-frott tal-istudji tagħkom bi gratitudni f’qalbkom lejn dawk kollha li għenukom tul is-snin, u b’impenn biex ikollkom l-għerf li jagħmel il-ġid u hekk tagħtu s-sehem sħiħ tagħkom għal soċjetà Maltija aħjar. Il-Mulej iberikkom u jħariskom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Ritratti: Jonathan Borg – Tufigno Photography