Caritas taqbel mal-pożizzjoni li jekk persuna tuża l-kannabis jew tkun dipendenti fuq kannabis (jew xi drogi oħra) ma tintbagħatx il-ħabs u lanqas ma tiċċappas il-kondotta tagħha. Madankollu meta tqis il-potenzjal ta’ ħsara li tagħmel il-Kannabis, Caritas issaħħaħ il-pożizzjoni ġenerali tagħha li bħala soċjetà għandna nrażżnu kemm jista’ jkun l-użu tal-Kannabis (u drogi oħra), nipprevjenu l-popolarizzazzjoni tagħha u naħdmu bla waqfien biex niskoraġġixxu l-użu u ninkoraġġixxu għażla ta’ ħajja sana u wkoll għażliet sani ta’ rikreazzjoni.  

Il-White Paper tagħmel referenza għall-periklu li ġġorr magħha l-kannabis u ssemmi wkoll il-benefiċċju fl-aspett mediċinali. Ir-referenza għall-benefiċċji mill-aspett mediċinali fil-white paper għall-użu personali setgħu ssottovalutaw il-periklu u l-effetti negattivi tal-użu tal-kannabis (mhux l-użu mediċinali).

Dil-White Paper tidher li orjentata iktar lejn dawk li jużaw (social users) u inqas lejn il-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli.

Il-white paper tgħid: “Bl-ebda mod dil-white paper ma tagħti l-intenzjoni li tinkoraġġixxi, tippromwovi jew b’xi mod ieħor twassal għall-konsum tal-kannabis” (White Paper paġna 5). Filwaqt li Caritas taqsam dan il-valur komuni, tinsab imħassba li numri ta’ proposti fil-White Paper jistgħu jwasslu għan-normalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis u involontarjament iwasslu għal iktar użu.

L-iktar żewġ proposti ta’ tħassib li titkellem dwarhom il-White Paper  huma l-pussess bla konsegwenza ta’ 7 grammi (li dawn jammontaw għal madwar 21 joint) u l-pussess bla konsegwenza ta’ kultivazzjoni sa 4 pjanti (li jista’ jammonta għal madwar 500gramma kull pjanta). Il-possibbiltà tal-pjanti fid-dar kif ukoll it-tneħħija ta’ kull sanzjoni għall-pussess ta’ 7 grammi jista’ jiffaċilita aktar l-użu, jagħti l-impressjoni li l-effetti tal-kannabis mhumiex serji u perikolużi u jwasslu għal iktar użu. Iktar ma tikber il-faxxa fil-popolazzjoni tagħna li tuża l-kannabis, ikbar se jkun in-numru ta’ persuni li jsofru konsegwenzi ta’ ħsara.

Gruppi li jinsabu f’riskju b’dawn il-proposti:

  • L-użu fit-tul tal-kannabis iżid ir-riskju tal-Alzheimer iktar ’il quddiem fil-ħajja. Bit-tneħħija ta’ kwalunkwe sanzjoni sa 7 grammi u bil-pussess ta’ 4 pjanti, jistgħu b’mod involontarju jsaħħu l-użu anki fuq dawk magħrufa li jużaw il-kannabis b’mod socjali.
  • In-normalizzazzjoni tal-użu tas-sustanza hu partikolarment perikoluż għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. L-użu tal-kannabis mill-adolexxenti joħloq ħsara devastanti fuq il-moħħ. Din hi inkwetanti b’mod speċjali meta l-kannabis tista’ tagħmel ħsara fl-adolexxenti fil-kapaċità tagħhom għat-tagħlim u t-twaqqif tal-iżvilupp tal-moħħ. Barra minn hekk wieħed minn kull sitt adolexxenti li jużaw il-kannabis jistgħu jiżviluppaw dipendenza fuq is-sustanza (WHO, 2016)
  • Il-persuni dipendenti se jsofru. Filwaqt li nirrikonoxxu li mhux kull min juża l-kannabis eventwalment se jiżviluppa dipendenza fuq il-kannabis jew sustanzi oħra, mill-esperjenza tagħna rajna li kważi kull persuna b’dipendenza serja bdiet bil-kannabis. Hu stmat li wieħed minn kull għaxar adulti li bdew jużaw il-kannabis, meta saru adulti żviluppaw dipendenza sħiħa fuq il-kannabis (WHO, 2016). Persuni li sfaw dipendenti fuq l-użu tal-kannabis jew sustanzi oħra, se jsibu iktar diffikultà biex inaqqsu l-użu tagħhom f’ambjent legali permessiv u se tkun iktar diffiċli għalihom biex jieqfu.
  • Il-familji li jgħaddu minn tbatijiet ma’ qarib li hu dipendenti mill-Kannabis jew sustanzi oħra, jgħaddu minn tensjoni u taħbit enormi biex jimmotivaw lill-għeżież tagħhom biex ifittxu l-għajnuna. Ġenituri u partners ta’ persuni li jużaw il-kannabis, diġà qed jesperjenzaw sens ikbar ta’ disprament, meta dawn l-għeżież jesprimu li l-kannabis hu dritt ta’ persuna u “daqt tkun legalizzata”.
  • Persuni li qed jirkupraw mid-droga jkomplu l-vjaġġ tagħhom tul ħajjithom. Dawn jiffaċċaw riskju ta’ relapse, li jerġgħu jaqgħu, meta ffaċċati b’approċċ iktar permessibbli u possibbilment iktar esponiment ta’ kultivazzjoni ta’ pjanti u sustanza fid-djar.
  • Dawk predisposti għal problemi ta’ saħħa mentali se jsofru. Porzjon mill-popolazzjoni, li hi ġenetikament predisposta li tiżviluppa kundizzjoni psikotika bħal skizofrenija, hu f’riskju akbar li jkollu din il-kundizzjoni bl-użu tal-kannabis. Dawn in-numri se jiżdiedu proporzjonalment b’aktar użu.
  • Il-movimenti favur il-liberalizzazzjoni użaw l-argument li dik il-frotta ipprojbita tattira u tinstiga iktar liż-żgħar biex jużaw is-sustanza sforz l-eċitament għax qed tagħmel attività illegali. In-normalizzazzjoni tal-konsum tal-kannabis mhux se jtemm din id-dinamika għax sustanzi oħra jieħdu l-irwol tal-frotta projbita u pront iżidu l-użu f’dawn is-sustanzi.
  • It-tneħħija ta’ kwalunkwe sanzjoni sa 7 grammi se tinkoraġġixxi l-black market biex juża persuni li jqassmu l-kannabis f’pakketti ta’ 7 grammi, allura min jinqabad b’dan il-pakkett ma jieħu l-ebda konsegwenza. Dan hu effett indirett fit-tibdil propost fil-White Paper. Kwalunkwe impatt fit-tul ta’ dawn il-proposti fuq iktar użu, se jkompli jagħti spinta lill-black market.

L-attentat biex jitrażżan l-użu tal-kannabis quddiem il-minuri fid-djar, fejn ġenituri jużaw il-kannabis, jagħmel sens imma mhux prattiku. Is-Social Learning Theory  jissapportja l-idea li l-imġiba tasal permezz ta’ role models. Hemm proporzjon ta’ persuni li jużaw il-kannabis li huma ġenituri, li dawn se jkomplu jpejpu u jużaw il-kannabis quddiem uliedhom. Din mhux biss se sservi bħala mudell negattiv imma wkoll joħloq riskji fil-protezzjoni tat-tfal. Li tinforza dil-proposta tidher li hi diffiċli. Il-pożittiv hu l-manutenzjoni tat-tħaddim tas-sistema tat-tribunal għall-minuri. Din trid tibqa’ tiffoka li tibqa’ tirreferi għal servizzi ta’ sapport.

Punt pożittiv fil-White Paper li l-użu fil-pubbliku għandu jkun limitat, skoraġġit u kkontrollat. Li jiżdiedu ċ-ċitazzjonijiet fl-użu pubbliku jissaportja l-idea li s-sanzjonijiet ikollhom impatt fuq l-imġiba tal-persuna. Din is-sanzjoni jkollha impatt kif mixtieq biss jekk tiġi infurzata. Mill-esperjenza fil-qasam jaslulna diversi rapporti ta’ użu tal-kannabis fil-pubbliku, u din isseħħ anki bla kontroll f’ċerti nħawi. Jekk mhux se nkunu lesti li ninfurzaw, dan se jsarraf f’regolarizzazzjoni falluta.

Filwaqt li Caritas ma tirrakommandax il-pussess tal-pjanti jew is-7 grammi mingħajr konsegwenza, fil-kuntest ta’ dekriminalizzazzjoni, il-livelli ta’ THC għad-dekriminalizzazzjoni jridu jiġu stabbiliti.

L-ebda referenza ma tingħata fir-rigward ta’ prevenzjoni u kontroll tas-sewqan taħt l-influwenza tal-kannabis. Hekk ukoll l-ebda referenza ma tingħata dwar saħħa u sigurtà fir-rigward ta’ responsabbiltajiet ta’ min iħaddem impjegati li jużaw il-kannabis. Nifhmu li din hi perspettiva li dwarha diġà teżisti leġiżlazzjoni attwali. Madankollu fid-dawl ta’ xenarju ġdid, iridu jittieħdu konsiderazzjonijiet fir-rigward tal-impatt fuq it-toroq tagħna u l-ħaddiema.

Hu ta’ importanza kbira li l-proposta marbuta mal-użu tal-kannabis tittieħed b’kawtela għax kull żieda fl-użu awtomatikament se żżid il-ħsara għall-individwu, il-familja u l-popolazzjoni inġenerali. L-effetti ħżiena tal-liberalizzazzjoni se jiġu ffaċċjati 10, 20 sena oħra. Biex titnaqqas il-ħsara minn bidla fid-direzzjoni, Caritas tagħmel dawn l-erba’ rakkomandazzjonijiet:

  1. Titwaqqaf kummissjoni speċifika biex tivvaluta l-impatt. Ir-riċerka hi importanti biex tkun taf eżatt ix-xejriet/tendenzi – ta’ min qed juża, kemm, x’qawwa, fejn qed jużawha n-nies, eċċ. Din l-informazzjoni hi kruċjali biex tivvaluta l-impatt f’tibdil ta’ policy.
  2. Riżorsi għas-servizzi tas-saħħa mentali. Malta għandha firxa wiesgħa ta’ servizzi għal użu ta’ sustanzi u dipendenzi. Caritas, Sedqa, Oasi – dawn flimkien joffru numru kbir ta’ servizzi speċjalizzati f’outpatient u servizzi residenzjali. Caritas daqt tiftaħ ċentru għall-minuri bi problema ta’ użu ta’ sustanzi b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, Familja u Drittijiet tat-Tfal. Hemm bżonn ta’ iktar riżorsi fil-qasam tas-saħħa mentali speċjalment fit-trattament ta’ in-patient. Progressivament aktar persuni bi problemi ta’ użu ta’ sustanzi qed ikollhom bżonn jiġu rikoverati l-isptar. Ir-riżorsi huma mġebbda sew u kull bidla fil-policy se twassal għal iktar domanda għal dawn is-servizzi u tiżdied il-pressjoni li qegħdin fiha.
  3. Policy iktar wiesgħa fil-qasam tad-droga. Caritas tipproponi aġġornament fil-policy dwar l-użu tad-droga lil hinn mill-kannabis. Policy bħal din trid tagħti direzzjoni lill-pubbliku inġenerali u lill-entitajiet dwar il-provvista u d-domanda. Din il-policy trid tkun imsaħħa bir-riċerka dwar iż-żgħażagħ kif għandhom iżommu ’l bogħod mid-drogi u x’inhuma dawk il-fatturi li jġibhom f’riskju ta’ użu.
  4. Dekriminalizzazzjoni. Nissuġerixxu dan li ġej:
  • Dekriminalizzazzjoni tiġi kkunsidrata fuq ammont żgħir, madankollu żżomm is-sanzjoni ta’ ċitazzjoni amministrattiva u t-taħrika lejn tribunal għandha tibqa’ għall-kwalunkwe ammont żgħir.
  • Fir-rigward tal-ammont li għandu jiġi dekriminalizzat, din għandha tkun studjata sew skont id-data kurrenti dwar persuni mressqa bil-pussess tal-kannabis, u jiġi evalwat l-impatt. Iż-żieda minn 3.5grammi għal 7 grammi bħala pussess sempliċi jista’ jiġi kkonsidrat. Il-limitu ta’ 28 gramma, li jidher bħala ammont għal pussess sempliċi, jidher eċċessiv u jrid jiġi studjat u mnaqqas.
  • Filwaqt li għal xi persuni li tkun arrestat bħala parti minn investigazzjoni relatata bħala l-ewwel offiża, taf tkun il-punt tal-bidla, Caritas tifhem li din tista’ tkun heavy-handed. Bid-dekriminalizzazzjoni din il-prattika tista’ tieqaf f’każijiet ta’ persuni f’pussess ta’ ammonti żgħar.
  • Il-Kummissarju tal-Ġustizzja jkollu s-saħħa jirreferi lid-DORB dawk il-każijiet li jidhru li jinvolvu użu problematiku ta’ kannabis jew sustanzi oħra anki meta jiffaċċaw it-tribunal għall-ewwel darba.
  • Dawk il-minuri li jinqabdu bil-kannabis għall-użu personali li jiffaċċaw taħrika għat-tribunal, għandhom jiġu direzzjonati għall-assessjar dwar l-użu tagħhom jew għall-għajnuna mill-ewwel. Il-Kummissarju għandu jkollu l-poter mhux li biss jirrakkommanda imma wkoll li jimponi dan ix-xorta ta’ assessjar.

Id‑dokument ta’ pożizzjoni hu aċċessibbli minn hawn.