•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    1 ta’ Novembru 2018

    “Ifirħu u thennew għax ħlaskom kbir fis-smewwiet” (Mt 5:12). Jekk din il-moda ġdida li daħlet lejlet din il-festa qaddisa tixxala fil-makabrità tal-mewt, għax mingħalina sirna iżjed moderni u progressivi, il-Knisja llum tistedinna mhux biex nitwerwru imma biex nifirħu u nithennew għax ħlasna kbir fis-smewwiet.

    Illum niċċelebraw il-fidi tagħna minn dak li tgħallimna fiċ-ċokon: nemmen fix-xirka tal-qaddisin. Dik il-komunjoni tal-aħwa li waslu qabilna, li għamlu l-vjaġġ il-qaddis qabilna, u li rċevew it-tgħanniqa tal-ħniena tal-Mulej; il-ħniena li hija wkoll hena.

    Il-Papa Franġisku, hu u jagħtina r-rigal sabiħ tar-riflessjoni fuq il-qdusija, fl-ittra enċiklika Gaudete et Exultate (Ifirħu u Thennew), jissellef it-titlu ta’ dan id-dokument proprju minn din l-espressjoni ta’ Ġesù minn Kapitlu 5 ta’ San Mattew. Il-Papa jieħu t-tagħlim ta’ Ġesù dwar il-barkiet, l-hena u dwar dawk li aħna ngħidulhom il-beatitudnijiet, u jdaħħalna fl-iskola tal-qdusija. Fi kliem il-Papa Franġisku l-qdusija mhijiex ideal irranġunġibbli imma hija qdusija konkreta ta’ min f’kull mument ta’ ħajtu jipprova jorbot ir-rieda tiegħu ma’ dik tal-Mulej, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi. Il-qdusija hija ta’ min f’kull mument jipprova jagħti ħajtu billi jħobb.

    Il-Papa Franġisku jgħidilna wkoll dan il-kliem ta’ faraġ: il-qdusija hija l-laqgħa tad-dgħufija tiegħi mal-ħniena tal-Mulej. Meta jiena fl-ispirtu ta’ faqar (“Henjin il-foqra fl-ispirtu” – Mt 5:3), immur quddiem Alla u ngħidlu: ‘Sinjur Alla, aħfirli. Sinjur Alla,  jiena għandi bżonnok. Sinjur Alla, mingħajrek ma nista’ nagħmel xejn,’ jien qiegħed inlaqqa’ d-dgħufija tiegħi mal-ħniena, mal-grazzja u mal-imħabba tiegħu.

    Hekk għamlu l-qaddisin li fuqhom smajna fil-ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu; dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir tal-ħajja, bħalma huma t-taħbit tal-persekuzzjoni u tat-tentazzjoni, u li lbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf. Din l-espressjoni tfisser li dawn il-qaddisin li kellhom bżonn jaħslu l-libsa l-bajda tagħhom, reġgħu ġabuha bajda bil-ħasil tad-demm tal-Ħaruf permezz tal-Magħmudija u tal-Qrar. F’kull qrara li nagħmlu b’umiltà kbira, fejn tassew inkunu qed inlaqqgħu d-dgħufija tagħna mal-ħniena tal-Mulej, aħna nkunu qegħdin naħslu l-libsa tal-Magħmudija fid-demm tal-Ħaruf. Din hi l-qudisja: li l-libsa tal-Magħmudija tagħna nafdawha f’idejn il-Ħassiel il-Kbir, dak li tassew jista’ jsaffina.

    Biex nikkonkludi xtaqt naqsam magħkom ir-riflessjoni ispirata mill-aħħar vers tat-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu: “Meta hu jidher, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, isir safi bħalma safi huwa Kristu” (Ġw 3:3).

    X’inhi din it-tama? Li jiena nara l-wiċċ ta’ Ġesù. Illum fil-qalb tagħna nġeddu u nitolbu l-grazzja li jkollna din it-tama, it-tama li naraw il-wiċċ ta’ Ġesù. Jiena wiċċek infittex, Mulej, il-ħin kollu ta’ ħajti. Din it-tama ssaffina. “Kull min għandu din it-tama fih, isir safi”. Kemm hi ħaġa qaddisa u kbira li nifhmu li l-ħerqa biex aħna narawh kif inhu diġà għandha l-qawwa ssaffina minkejja d-dgħufija tagħna u dnubietna. Kull min għandu din it-tama fih isir safi, bħalma huwa safi Ġesù Kristu.

    Nirringrazzjaw lill-Mulej għax-xirka tal-qaddisin li jidħlu għalina quddiem Alla; huma għaddew mit-taħbit il-kbir u qegħdin jitħaddnu bil-glorja tal-Mulej u jirċievu l-ħlas il-kbir fis-smewwiet. Nitolbu li s-sehem tagħhom ikun ukoll id-destin sabiħ tagħna.

    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Apok 7:2-4,9-14
    Salm: 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
    Qari II: 1 Ġw 3:1-3
    Evanġelju: Mt 5:1-12a