Kappella tas-Seminarju, Tal-Virtù
11 ta’ April 2016
Għeżiez Anton u Bernard, il-kelma li għadkom kemm lissintu hija disponibbiltà partikolari: dik li intom taċċettaw li tiġu istitwiti letturi, li tieħdu fuqkom dan is-servizz f’din il-komunità billi taqraw il-Kelma ta’ Alla. Dan tagħmluh b’fidi partikolari, b’mod speċjali fil-Liturġija u meta intom tlissnu l-kliem li taqraw, il-Mulej ikun qiegħed ikellem lill-poplu għażiż tiegħu: il-poplu li għandu ġuħ kbir, imma ħafna drabi ma jafx jesprimi x’inhu dan il-ġuħ li għandu.
Il-folla li kienet kielet mill-ħobż li tkattar wara l-barka tal-Mulej, wara r-radd il-ħajr tiegħu, kompliet tfittex lil Ġesù, tiġri warajH. Il-Mulej jisfida dan il-ġuħ tal-poplu: “Tassew, tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjal imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom” (Ġw 6, 26-27). Intom tkunu qegħdin taqsmu dan il-ħobż, dan l-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, intom u taqraw il-Kelma ta’ Alla, fil-Knisja, fl-assemblea tal-Mulej.
Jeħtieġ li l-qari tagħkom ikun ippreparat, meqjus u verament ta’ servizz lill-Mulej. M’intomx qed tissejħu biex turu l-protagonizmu tagħkom jew l-abiltà tagħkom, imma iva qegħdin issellfu l-leħen tagħkom lill-kelma tal-Mulej. Qegħdin tibdew dan il-proċess Ministerjali: ta’ qadi li permezz tiegħu l-Knisja idaħħalkom eqreb lejn l-artal u tikkonsagrakom fit-triq tas-saċerdozju għall-qadi tal-poplu ta’ Alla.
Jekk aħna nħarsu ftit lejn l-Ewwel Qari (Atti 6, 8-15) li smajna llum u li fih jiġi introdott il-personaġġ straordinarjament qawwi ta’ Stiefnu, tal-ewwel martri, tal-ewwel żgħażugħ li miet għall-fidi tiegħu fi Kristu, nirrealizzaw li l-membri tas-Sinagoga ma kellhomx il-ħila jiqfulu għall-għerf u għall-ispirtu li bih kien jitkellem. X’kien is-sigriet ta’ Stiefnu? Meta naqraw id-diskors tiegħu fl-Atti tal-Appostli nirrealizzaw kemm Stiefnu kien midħla tal-kelma ta’ Alla u li l-għerf tiegħu kien ġej minn din il-kelma. L-ispirtu li bih kien jitkellem kien l-Ispirtu ta’ Ġesù, mhux l-ispirtu tad-dinja. Fl-Ewwel Qari l-Ispirtu tad-dinja huwa ippreżentat bit-tixwix, bix-xhieda falza. Intom u tipproklamaw il-Kelma ta’Alla lill-poplu, qisu li titolbu din il-grazzja kbira li min jismagħkom jitpaxxa bl-għerf mhux tagħkom, imma bl-għerf li ġej mill-Ispirtu tal-Mulej.
Il-ministeru li għalih intom imsejħin illum huwa wkoll impenn ta’ meditazzjoni approfondita tal-Kelma ta’ Alla. Intom tafu mill-istudju li qegħdin tagħmlu li l-Kelma ta’ Alla hija wkoll frott tal-ħidma umana, tnisslet f’kultura partikolari, li għandha lingwa oriġinali li aħna forsi kapaċi biss immissu biċċa mill-mantell tagħha, imma nissuġerilkom u nawguralkom li intom u tidħlu fil-lectio divina, fl-għarfien u l-imħabba tal-kelma ta’ Alla, tapprezzaw l-għeruq tagħha biex intom u tħobbu l-uman li hemm fiha, tiltaqgħu mal-preżenza tal-Mulej. Din mhix kelma ta’ bniedem imma l-Kelma ta’ Alla. Imma ssegwi regola ta’ xi ħaġa li tidħol fl-ambjent tagħna, bil-lingwaġġ tagħna, il-kelma ta’ Alla li tuza’ l-leħen tal-bniedem, li tiswielek fil-kultura ta’ diversi popli u żminijiet. Iżjed ma titpaxxew bl-istorja tal-Kelma ta’ Alla, iżjed nagħrfu kemm il-kelma ta’ Alla hija kelma ta’ mħabba, kelma ta’ verità, u kelma ta’ ħniena.
Jalla l-Mulej li, meta indika lill-Ibnu, qalilna; “Lilu isimgħu” (Lq 9, 35) jagħtikom il-grazzja li intom u timmeditaw u twasslu l-kelma, tisimgħu leħen Iben il-Mulej, lil Ġesù u twasslu lilu. Ejjew nitolbu, aħna l-ministri tal-Knisja, li meta niftħu qalbna, tidher qalb li tħobb ħafna lil Ġesù u meta niftħu ħalqna ma nidhrux aħna, imma jitkellem Ġesù.
“Imqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi, fuq l-kmandamenti tiegħek jibqa’ jaħseb il-qaddej tiegħek, il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi u huma jagħtuni l-parir tajjeb” (S 118, 23-24). Is-salm 118 li huwa eloġju għall-kelma tal-Mulej għall-preċetti tiegħu, għall-kmandamenti tiegħu, għall-kelma tiegħu, ikun għalikom ta’ gwida. Jalla l-kelma tal-Mulej tkun għalikom għaxqa u servizz. Jalla tibnikom biex intom tkunu tistgħu tibnu lill-poplu tiegħu. Jalla l-kelma li tnisslu f’ismu tkun bħal dik iż-żerriegħa li waqgħet f’art għammiela u għamlet ħafna frott (ara Lq 8, 8).
Taqtgħux qalbkom. Jekk il-kelma li tiżirgħu fl-assembla, fil-laqgħat li tagħmlu, kultant ma tagħmilx frott, għax issib art iebsa jew art li fiha ħafna xewk jew art mhux fonda (Lq 8, 6-7), taqtgħux qalbkom. Il-Mulej diġa ppreparana għal dan ir-ritmu tal-ħajja u r-regola tal-istorja. Intom agħmlu d-dover tagħkom, kunu fidili lejn il-kelma u għixuha, u l-kumplament inħalluh f’idejn il-Mulej li jaf ikabbar, jaf isaqqi, jaf jagħżel frott kultant bil-ħafna, u kultant biżżejjed. Illum nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet biex il-Mulej ikompli jsejjaħ żgħażagħ ġenerużi u qalbiena għas-saċerdozju. Jalla l-Knisja meta tħares lejkom, tibqa’ tifraħ bħalma qiegħda tifraħ illum.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta