L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Dan id-diskors ta’ Ġesù u dan id-djalogu mad-dixxipli tiegħu jsir f’Ħamis ix-Xirka, lejlet il-passjoni u l-mewt tiegħu, ftit sigħat qabel jiġi arrestat u jibda jiġi ttorturat. F’dan id-diskors Ġesù jitkellem fuq żewġ livelli. L-ewwel jitkellem fuq dawn is-sigħat li ġejjin fuqu u li matulhom jittieħed mid-dixxipli tiegħu u ma jibqgħux jarawh iżjed għaliex jindifen fil-qabar. Imma jitkellem ukoll fuq il-mument meta wara ftit jerġgħu jarawh (ara Ġw 16:16).

F’dawn l-aħħar jiem, mill-Għid ’il hawn, iċċelebrajna propju fil-Ġimgħa Mqaddsa u mbagħad f’dawn il-jiem kważi 40 jum wara l-Għid, meta Ġesù jittieħed, u mbagħad wara ftit, id-dixxipli jerġgħu jarawh. Meta qalu dan id-diskors, id-dixxipli ma setgħux jifhmu, għalkemm Ġesù stess kien antiċipa l-mewt u l-qawmien tiegħu almenu tliet darbiet. Dan skont ir-rakkont tal-Evanġelji l-oħra u anke bix-xbieha tal-għarus li jittieħed u meta jittieħed l-għarus, jgħid, id-dixxipli jsumu.

Imma Ġesù jitkellem ukoll fuq it-tieni livell. Dan meta jindirizza lid-dixxipli: “Tassew, tassew ngħidilkom intom għad tibku u tingħu iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16:20).

… dak li għadda minnu hu tgħaddi minnu l-Knisja f’kull żmien.

Dan id-diskors jgħodd ukoll għall-mument tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Imma b’xi mod huwa diskors li jakkumpanja l-ħajja tal-Knisja f’kull żmien fejn il-Knisja, għax dan huwa wkoll il-kliem qawwi ta’ Ġesù, tiġi ppersegwitata, li d-dixxipli tiegħu jiġu ppersegwitati u jibku u jgħinu u d-dinja tifraħ. Id-dixxipli ta’ Ġesù jġarrbu n-niket imma l-wegħda tal-Mulej hija li n-niket tagħna jitbiddel f’hena.

B’dan id-diskors Ġesù qed jgħallimna li dak li għadda minnu hu ngħaddu minnu aħna, dak li għadda minnu hu tgħaddi minnu l-Knisja f’kull żmien. Imma għalkemm il-Mulej jitkellem dwar li jittieħed, u jitkellem dwar il-biki u t-tnehid, jitkellem ukoll dwar in-niket. Iżda l-aħħar kelma tiegħu hija hena. Hu ma jgħidx hena fid-dinja l-oħra; il-kuntest li fih jitkellem huwa ta’ hena li jiġborna u jsibna anke f’din id-dinja.

Ejjew nitolbu biex aħna ma naqtgħu qatt qalbna mill-faraġ li l-Mulej jagħtina waqt li jkellimna ċar fil-fatt li aħna jiġu mumenti meta nibku, ningħu u nkunu mnikktin u d-dinja tifraħ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 18, 1-8
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
Evanġelju: Ġw 16, 16-20