• On Sunday 3rd April 2016, Archbishop Charles J. Scicluna celebrated Mass with residents at Corradino Correctional Facility, in Paola. During his visit, the Archbishop took the opportunity to meet with residents and prison guardians of the Facility.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna 

  • Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, Raħal Ġdid
    2 ta’ April 2016
    Ippermettuli noffrilkom ħsieb ċkejken ispirat mill-Evanġelju li għadna kemm smajna li jitkellem dwar żewġt iĦdud; l-ewwel biċċa tal-Evanġelu sseħħ Ħadd il-Għid li aħna ċċelebrajnih bħal-lum ġimgħa, u t-tieni parti tal-Evanġelju sseħħ ġimgħa wara, bħal-lum, ġimgħa fuq Ħadd l-Għid.
    Fl-ewwel parti, dik li tirrakonta dak li ġara f’Ħadd il-Għid, dik inhar tal-irxoxt tal-Mulej, il-Mulej jagħti qawwa straordinarja, importantissima lill-appostli tiegħu. L-Evanġelu jghidilna: “nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom, ikunu maħfura u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma’” (Ġw 20, 22-23). Hija setgħa straordinarja li permezz tal-Knisja, il-Mulej jibqa’ jaħfer id-dnubiet. Hija qawwa li llum niċċelebraw f’dan il-Ħadd tal-Ħniena, għax li taħfer id-dnub hija ta’ Alla biss.

    Meta jaħfirlek, il-Mulej jagħtik bidu ġdid, tkun fejn tkun, u tkun f’liema stat tkun. F’ruħek hemm bidu ġdid.

    Dan li rridu niftakru aħna u nirrigrazzjaw lill-Mulej ta’ din is-setgħa li ta’ lill-Knisja tiegħu, dak kollu li għallimna dwar il-ħniena tiegħu. “Ma ġejtx biex nikkundanna, imma biex insalva. Mur, ħadd ma kkundannak, lanqas nikkundannak jien, mur u terġax tidneb” (ara Ġw 8, 10-11).
    Il-Mulej jinsisti ma’ Pietru meta jistaqsih: “kemm-il darba għandi bżonn naħfer lil ħija, hemm xi numru ta’ kemm-il darba? U jgħidlu, ‘le, ma ngħidlekx seba’ darbiet, imma kemm hemm bżonn’, juża l-espressjoni ‘seba u sebgħin darba jew seba’ għal seba’ darbiet’ li tfisser kemm hemm bżonn għandek taħfer, kull darba li hemm bżonn taħfer, għandek taħfer.Hekk tagħmel il-Knisja permezz tas-saċerdoti tagħha. Aħna nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħniena tiegħu llum; nirringrazzjawh ukoll tas-sagrament tal-Qrar.
    Tmint ijiem wara, Ġesù jilqa’ l-isfida li għamel Tumas: “jekk jien ma narax il-pjagi ta’ jdejh u ta’ ġenbu, jien ma nemminx li hu” (ara Ġw 20,25). Ġesù, ġimgħa wara jerġa’ jirritorna. Jirrepeti t-tislima tiegħu: “is-sliem għalikom, il-paċi magħkom” (v 26). Hija tislima li qiegħed jagħti lil kull wieħed minna: ‘il-paċi miegħek, is-sliem għalik’. Għax dan huwa l-frott tal-irxoxt tal-Mulej: is-sliem fil-qalb tiegħek, il-paċi fir-ruħ tiegħek, ma’ ħutek, mas-soċjetà, miegħek innifsek. Lil Tumas jgħidlu: “poġġi jdejk fil-pjagi tiegħi, tini s-seba’ tiegħek, ressaq idejk u qegħedha fuq ġenbi” (v. 27).

    Il-Mulej jistieden lil kull wieħed u waħda minna llum biex ma nibżgħux nersqu lejn il-pjagi tiegħu.

    Il-Pjagi tiegħu minn fejn ġejjin? Mhux mid-dnub tiegħi u tiegħek? 
    Fil-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira, aħna ngħidu: ‘ħenn għalina għax dnibna’. ‘Kienu ħafna d-dnubiet tiegħi” (mill-innu: ‘Ġesù tiegħi’). Meta nimmeditaw il-passjoni tiegħu – għandkom sett ta’ vari sbieħ ħafna li jgħinukom timmeditaw fuq it-tbatija, il-passjoni ta’ Ġesù li kien innoċenti.

    Tibżgħux tersqu lejn il-pjagi tiegħu bħalma qal lil Tumas llum. Tibżgħux tersqu lejh u tħarsu lejn il-prezz tal-fidwa tagħna u t- talba tkun dik ta’ Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (v. 28).

    Ejjew nitolbu llum f’din is-Sena tal-Ħniena u f’dan il-Ħadd tal-Ħniena Divina, dik it-talba li għallmitna Santa Fawstina Kowalska u li qiegħda miktuba f’riġlejn il-kwadru tal-Ħniena Divina: ‘Ġesù, jiena nafda fik’ u meta tiġu hawn biex titolbu, għidulu: ‘Ġesù, jiena nafda fik’.
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
    Photos: Jonathan Paris