L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelji li qed nisimgħu f’dawn il-Ħdud huma parti mill-mixja ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm. Diġà qal lid-dixxipli tiegħu — u smajnieha l-Ħadd li għadda — li Ġerusalemm għalih tfisser f’dan il-mument ta’ ħajtu persekuzzjoni, iċ-ċaħda tal-poplu tiegħu, ukoll it-tortura u s-salib.
Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm jiltaqa’ ma’ xi ħadd li hu interessat ikun jaf jekk hux se jsalva imma din il-mistoqsija jagħmilhielu b’mod indirett: “Jaqaw ftit huma li jsalvaw?” (Lq 13:23). Ġesù jitkellem fuq il-mod kif irridu nsalvaw. Ma jagħtix risposta ta’ kemm. Għaliex? Għaliex ir-rieda tal-Mulej hija li kulħadd isalva u jitkellem mill-bieb id-dejjaq. Jgħid ukoll li “ħafna jfitxxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx” (Lq 13:24). Donnu qed jgħid hemm ħafna li mhux se jsalvaw.
Proprjament Ġesù ma jgħidx hekk imma qed jgħidilna li jekk intom tfittxu li ssalvaw bil-ħila tagħkom, allura mhux se jirnexxielna, l-aħwa. Aħna rridu nsalvaw billi nifhmu li dan huwa don li ġej minn Alla u mhux bid-dritt tiegħi. X’jgħidulu fil-fatt? Inti pprietkajt fil-pjazez tagħna u kilna miegħek (Lq 13:26). Nistgħu ngħidu hekk ukoll aħna l-Maltin u l-Għawdxin lill-Mulej: għamilnielek tant festi, ara kemm ġarrejna statwi u għamilna bandalori! Kollha affarijet tajbin imma dawk huma li se jsalvawna? Dak huwa l-passaport li se jwassalna l-Ġenna?
Ġesù jitkellem fuq bieb dejjaq (Lq 13:24). Jekk inti tgħidli: “Ara, għandek dan il-vjaġġ, għandek bieb ta’ remissa miftuħ u bieb dejjaq. Liema tagħżel?” Apparti mill-kwistjoni ta’ dieta u mhux dieta, iżjed komdu tgħaddi mill-bieb ta’ remissa. Imma dak fejn se jwassalni? Nagħżlu jien?
Il-Mulej qiegħed jgħidilna wkoll biex ma nfittxux li ssalvaw b’dak li qegħdin tagħmlu għax intom Kattoliċi. Darba wieħed raġel qalli: “Taf x’jgħidu? Li meta aħna l-Maltin naslu l-Ġenna San Pietru se jpoġġina f’post fejn inkunu aħna biss biex naħsbu li aħna biss salvajna”. Mentri fil-verità, min jaf x’sorpriżi se jkollna fil-Ġenna ġaladarba tiġi fis-seħħ il-profezija li nsibu fil-profeti u li jikkwota Ġesù: “Li jiġu mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana min-Nofsinhar” (Lq 13:29) u dawn forsi jieħdu post min jaħseb li għandu d-dritt għall-Ġenna. Aħna m’għandniex dritt għall-Ġenna. Il-Ġenna hija rigal tal-Mulej; hija destin sabiħ li nilqgħu mill-ħniena tiegħu.
Imma Ġesù jgħidilna li għandna bżonn ngħaddu minn dan l-imbierek bieb dejjaq. X’inhu dan il-bieb dejjaq? Il-bieb id-dejjaq huwa dak li jneżżgħek minnek innifsek. Għalhekk mhux popolari, għalhekk ma nagħżluhx. Ejjew nammettu li aħna kieku nagħżlu l-bieb ta’ remissa. Imma l-Mulej jgħidilna li biex insalvaw irridu ngħaddu minn dak il-bieb id-dejjaq u li rridu nħalluh jgħinna. Kultant jagħtina xi mbuttatura u fuqna jiġi salib li m’hemmx għalfejn tapplika għalih. Aħna bil-Malti x’ngħidu? Min m’għandux salib għandu domna! Il-Mulej fil-ħniena tiegħu u fil-ħajja tagħna ta’ kuljum jgħaddina mill-bieb id-dejjaq għaliex iridna tassew imsoffija minn dak kollu li jfixkel: mill-egoiżmi tagħna, mid-dnub tagħna, mill-ħażen tagħna.
X’jgħidilna? Mhux jgħidx kemm intom qżież imma intom li m’għamiltux is-sewwa morru ’l hemm, ma nafkomx (ara Lq 13:25). Imma għaliex “ma nafkomx”? Għaliex ma talbux lill-Mulej biex jgħinhom u ħasbu li se jagħmlu kollox b’idejhom. Ħasbu li se jaslu fil-Ġenna mingħajr ma jitolbuh maħfra, ħniena u għajnuna.
Darba San Domenico Savio talab lil Don Bosco jagħtih xi parir fuq x’penitenza għandu jagħmel. Don Bosco, fl-għerf tiegħu, lil dan it-tifel li lanqas kellu 12-il sena, qallu: ‘Domenico, jien nagħmillek ordni biex ma tfittixx penitenzi ħlief li tieħu paċenzja ġurnata b’ġurnata b’dak li jibgħat il-Mulej. Meta tkun is-sħana ħu paċenzja, meta tkun il-kesħa ħu paċenzja, meta forsi fuq il-platt ma jkunx hemm xi biċċa laħam li tixtieq imma jkun hemm xi ftit fażola, ħu paċenzja’.
Min qed jismagħni llum, b’mod speċjali l-qraba ta’ dawk li qegħdin fl-isptarijiet jew inkella fir-residenzi, imqar residenza korrettiva, jifhmu x’qed ngħid. Trid u ma tridx, il-ħajja tgħaddik hi mill-bieb id-dejjaq. Skont kif neħduha! Jekk naċċettawhiex jew le tiġi minn id Alla.
Meta mmur l-isptar inżur il-morda nifhem kemm hi dejqa s-sodda. Inti tkun imdorri f’xi sodda komda mifruxa u mbagħad tispiċċa f’single bed. Dak mhux bieb dejjaq ieħor? Il-bieb id-dejjaq tal-mard, mhux tiegħek biss imma wkoll ta’ wliedek u tal-membri tal-familja. Il-bieb id-dejjaq tal-ansjetà. Il-Mulej jgħaddina minn ħafna bibien dojoq biex isalvana. Dan misteru kbir. Tgħidli: ‘Kemm hu ħelu l-Mulej!’ Il-Mulej jaf x’inhu jagħmel u għalhekk meta naslu quddiemu rridu ngħaddu mill-bieb id-dejjaq. Aħna l-Maltin tafu x’ngħidu dwar il-qabar?! “Erba’ ħitan u erba’ kaptelli u beżqa f’wiċċ il-flus li kelli”. Kultant minflok beżqa jgħidu xi ħaġa oħra. Qatt smajtuha din?
Għax f’dak il-bieb ma tieħu xejn miegħek. Il-Papa Franġisku jħobb jgħidha din: il-kefen m’għandux bwiet, ikeffnuk. Darba lil xi ħadd għidtlu li meta tmut ipoġġulek idejk fuq żaqqek. Iżda lanqas dik ma tista’ tgħid għax tista’ tikteb kemm trid fuq kif trid il-funeral tiegħek għax xorta li jridu se jagħmlu. L-aħwa, il-mewt hi bieb dejjaq ieħor li se ngħaddu minnu lkoll kemm aħna. Allura, meta niftakru f’dak il-bieb id-dejjaq, dawk l-erba’ ħitan u l-erba’ kaptelli, id-dinja jkollha togħma u sens differenti. Naċċertakom li ssir iżjed prezzjuża anke meta ngħaddu mill-bieb id-dejjaq tas-sħana ta’ kuljum u mix-xitwa tal-kuntrarju.
Mulej, int tippreparani għal-laqgħa miegħek għax meta niltaqgħu se jgħidilna: “Kemm imbuttajtek, ħabib, ma ridtx tgħaddi minn dak il-bieb id-dejjaq, imma jiena, il-Madonna u San Ġużepp tajniek ftit imbuttatura”. Nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħniena tiegħu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 66:18-21
Salm: 116(117):1, 2
Qari II: Lhud 12:5-7, 11-13
L-Evanġelju: Lq 13:22-30