L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Żgur li lkoll kemm aħna nifhmu lil dawn in-nies li fittxew lil Ġesù, u meta ma rawhx fuq id-dgħajsa, telgħu huma fuq id-dgħajjes biex jaqsmu għan-naħa l-oħra ħalli jsibuh. Dawn in-nies kien għad kif kellhom esperjenza sabiħa meta kienu eluf u Ġesù, b’miraklu, b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet tema’ lilhom ilkoll, u baqa’ żżejjed ukoll. Allura huma rraġunaw: tajjeb li tkun ma’ Ġesù, żgur li jipprovdi dak kollu li għandhom bżonn!
Għalhekk kienu kuntenti meta fl-aħħar sabuh. Imma Ġesu, ir-reazzjoni tiegħu kienet: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:26). U jidħol fi djalogu magħhom, u jgħinhom biex jifhmu x’jiġifieri titħabat “għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”.
Nixtieq li nieħdu din is-sentenza tal-Evanġelju, u naraw dak li tgħid lilna għal ħajja tagħna llum.
Dak li jgħaddi
L-ewwel nett, x’inhu “l-ikel li jgħaddi”? Hawn Ġesù qed jitkellem fuq xi ħaġa tajba, mhux fuq dak li hu ħażin. Mhux qed jgħid fuq min jitħabat imqanqal minn dak li hu ħażin. Għalhekk hawn mhux qed jgħid għal min qed jitħabat f’ħidma li hi frott tal-inġustizzja, jew frott tal-korruzzjoni, jew tal-frodi jew tal-qerq. Hu ovvju li dawn huma ħżiena – għandu jkun ovvju li dawn huma ħżiena – anke jekk ikun hemm min jadottahom bħala stil ta’ ħajja. Hawn Ġesù qed jgħid fuq dak li hu tajjeb fih innifsu, li aħna nitħabtu għalih, li naħdmu bis-sħiħ għalih, imma li rridu niftakru li jgħaddi. U għalhekk meta aħna niftakru li jgħaddi, ma norbtux qalbna miegħu, imma l-ħsieb tagħna jmur lil hinn minn dak li jgħaddi.
Ġesù jagħmel distinzjoni bejn dak li jgħaddi u dak li jibqa’. Dak li jgħaddi hu ħafna mill-ħidmiet tagħna, li aħna nitħabtu għall-ġid tagħna u tal-familji tagħna, ħafna mill-attivitajiet li jkollna – nafu li jgħaddu. Fil-ħajja, meta tħares lura lejn is-snin li jkunu għaddew, tinduna kemm esperjenzi li jkunu għaddew kienu sbieħ, ħadna pjaċir bihom, għaddew. Qisu bħal meta jkollok fil-festa l-logħob tan-nar, bħan-nar tal-art, il-ġiġġifogu, li tant jirrikjedi taħbit; hu sabiħ, tieħu gost bih, u jgħaddi; terġa’ tara biċċa oħra minnu, u jgħaddi. Il-ħajja tagħna hekk hi: il-ħidmiet li nagħmlu, it-taħbit tagħna jgħaddu.
Dak li jibqa’
Għaliex Ġesù qed jgħid: tħabtu għal dak li jibqa’ għal dejjem? Għaliex irid li dan li nagħmlu, tant affarijiet tajbin fil-ħajja tagħna għall-ġid tagħna u tal-familja, ikunu parti minn mixja b’direzzjoni, mhux sempliċiment daqqa hawn u daqqa hemm, kif jiġu. Għalhekk irid li aħna mmorru għandu. Huwa hu li jagħtina tassew dak li jibqa’. Fir-relazzjoni miegħu li aħna jkollna dak li jibqa’, u fir-relazzjoni miegħu li aħna jkollna tassew il-paċi tal-qalb, l-imħabba, il-ferħ. Imbagħad jgħinna biex nimpenjaw ruħna f’ħafna taħbit li hu neċessarju fil-ħajja, imma l-mod kif nagħmluh jinbidel għax ikun ħiereġ minn din l-imħabba li jkollna f’qalbna, li jagħtihielna Ġesù.
Ġesù jistedinna biex nitħabtu għal dak li jibqa’, u nużaw tajjeb il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem. Fl-aħħar mill-aħħar aħna nafu li meta niġu quddiem il-Mulej fl-aħħar ta’ ħajjitna, mhux se nieħdu magħna l-ġid materjali li akkumulajna, imma se nieħdu magħna l-ġid li għamilna, li għamilna ma’ ħaddieħor.
Din hi r-realtà li aħna ngħixu kull darba li niltaqgħu hawnhekk għall-quddiesa. Kull darba li niġu hawn, qed niġu għal dak li jibqa’.
L-Evanġelju tal-lum jispiċċa b’dan il-kliem ta’ Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6:35). Qed jistedinna biex aħna mmorru għandu. Minnu nieħdu tassew il-ħajja, u minnu nieħdu wkoll id-direzzjoni għal xiex għandna l-aktar nitħabtu fil-ħajja tagħna, u kif għandna nagħmlu l-ħidma tagħna.
Il-quddiesa fil-qalba tal-ħajja tagħna
Hawn San Ġwann isemmi b’mod dirett “il-ħobż tal-ħajja” b’referenza għall-Ewkaristija. Fil-fatt, din hi r-realtà li aħna ngħixu kull darba li niltaqgħu hawnhekk għall-quddiesa. Kull darba li niġu hawn, qed niġu għal dak li jibqa’. Hawnhekk niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj li lilna jista’ jimlielna qalbna u jagħtina tassew il-qawwa għall-ħajja tagħna. Hawn niltaqgħu ma’ dak li jibqa’.
Itolbu għalija wkoll fil-qadi tal-missjoni tiegħi ta’ isqof, u għal kull wieħed u waħda minna biex ikun tassew Ġesù li fih insibu l-ħajja li tibqa’.
Għalhekk iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-quddiesa, hi tant importanti għalina l-Insara. Dak li jħeġġiġna għalih illum il-Mulej huwa: tħabtu biex il-quddiesa tkun tassew fil-qalba tal-ħajja tagħkom, għax hawnhekk għandna l-isbaħ, għandna l-aqwa, għandna l-aħjar.
Naf li qed isegwuna diversi nies fuq it-televiżjoni u l-media soċjali, nies li ma jistgħux jiġu l-knisja għall-quddiesa għax huma morda, għax huma anzjani. Imma jagħmlu tajjeb li jsegwu l-quddiesa bil-mod li jistgħu għax tgħinhom żgur. Lil min hu b’saħħtu, Ġesù jistiednu biex jiġi l-knisja ħalli jiċċelebra l-Ewkaristija; lil min ma jistax, jistiednu biex isegwi bl-aħjar mod, għax fil-quddiesa aħna għandna dejjem l-aqwa li jista’ jkollna għall-ħajja tagħna.
It-talba li nixtieq nagħmel illum għalina lkoll hi biex aħna nagħrfu f’Ġesù dak li jagħtina l-ħajja u l-ħajja ta’ dejjem, dak li jgħinna ngħixu bl-aħjar mod hawn fil-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna. Nitlob għalina lkoll. Itolbu għalija wkoll fil-qadi tal-missjoni tiegħi ta’ isqof, u għal kull wieħed u waħda minna biex ikun tassew Ġesù li fih insibu l-ħajja li tibqa’.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju