• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Birkirkara

    24 ta’ Novembru 2018

    “Tawh ħakma ġieħ u saltna biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien” (Dan 7:13). Illum aħna u nibdew niċċelebraw il-festa solenni ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien Kollu, nistaqsu lilna nfusna: x’inhuma dawn il-ħakma, il-ġieħ u s-saltna? Ir-risposta jagħtihielna l-awtur tal-ktieb tal-Apokalissi meta jissellef il-frażi tal-profeta Żakkarija u jgħidilna: “L-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh. Ir-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva, Ammen” (Apok 1:7).                   

    Huwa xieraq li llum fil-festa ta’ Kristu Re, ninawguraw u nbierku din ix-xbieha sabiħa u qaddisa tal-kurċifiss li l-oriġinal tiegħu qiegħed l-Italja. Dan huwa kurċifiss antikissimu u nirringrazzjaw ħafna lill-artist u pittur.

    Jiena nixtieq nislet riflessjoni ċkejkna fuq din l-ikona u xbieha qaddisa li se ninawguraw illejla. Nirringrazzja lill-patrijiet Franġiskani tal-inizjattiva. L-istedina tiegħi hija li nidħlu fl-ispirtu ta’ San Franġisk, li l-Mulej għażlu biex ikun ix-xebh tiegħu hu u jbus il-pjagi ta’ Ġesù. Waħda mill-affarijiet uniċi f’dan il-kurċifiss tassew antik hija propju din il-qima li San Franġisk jagħti lill-pjaga tas-saqajn tal-Imgħallem. Il-bewsa ta’ San Franġisk tiġbor fiha d-devozzjoni tagħna lejn is-sultan, li l-frott tiegħu huwa s-Salib Imqaddes, li quddiem Pilatu jiddikjara li s-saltna tiegħu mhijiex ta’ din id-dinja, li l-kriterju tas-saltna tiegħu mhuwiex kriterju ta’ din id-dinja. Jitla’ biex isaltan minn fuq il-għuda tas-salib għaliex hu sinjal u sultan li jmeruh u sultan u sinjal tal-imħabba.    

    Meta nħarsu lejn Ġesù ta’ Nazaret, l-Iben ta’ Alla inkarnat, u narawh minfud bil-lanza ta’ dnubietna, aħna ninxteħtu għarkupptejna b’sens ta’ qima, rikonoxximent, gratitudni u devozzjoni. Dawn is-sentimenti kollha niġborhom f’isimna fil-kliem ta’ San Franġisk. Il-Mulej żejnu wkoll bis-sinjali tat-tbatija tiegħu; ried iwaħħdu miegħu b’xebh mill-iżjed intimu imma San Franġisk aħna nitolbu lill-Mulej biex jistampa fil-qalb tagħna x-xbieha u l-imħabba tiegħu.

    Il-Verġni Mbierka u l-appostlu l-maħbub Ġwanni, li jibku t-tbatija u l-mewt tal-Imgħallem, jgħallmuna l-vera solidarjetà: is-solidarjetà li tagħmilna parti mis-saltna. Il-Mulej jinsisti li aħna wkoll rridu nkunu xhieda, kif kien hu xhud tal-verità, xhud fidil u veru, kif isejjaħlu tant tajjeb il-Ktieb tal-Apokalissi. Quddiem Pilatu Ġesù jiddikjara: “Jiena għalhekk twelid u għalhekk ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verita. Kull min iħobb il-verita jisma leħni” (Ġw 18:37).  

    Meta nisimgħu leħen Ġesù, nisimgħuh jgħallimna l-imħabba: “M’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). “Itolbu u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ”  (Ġw 16:24).

    Il-leħen tal-Mulej huwa l-leħen tal-verità. Minn fuq is-salib jgħallimna l-maħfra tal-għedewwa; jgħallimna l-premju tal-ġenna, l-għatx għall-erwieħ; jgħallimna l-għożża tal-omm, jgħallimna li aħna ulied Marija; jgħallimna l-fiduċja u t-tama f’Alla; u jgħallimna wkoll li aħna ta’ min nintelqu f’idejn l-Imgħallem u nitolbuh l-grazzja li fi tmiem ta’ ħajjitna ngħidulu “kollox mitmum”. Jalla aħna ntemmu l-vokazzjoni li l-Mulej irid minna: il-proġett ta’ mħabba li għandu għalina.  

    Kienet ħaġa qaddisa u sabiħa li l-patrijiet jitolbu lill-artist biex mal-ġenb il-korp qaddis tal-kurċifiss, jiktbu bil-Malti t-talba ta’ San Franġisk: “O Alla l-aktar għoli u glorjuż, dawwal id-dlamijiet ta’ qalbna, sawwab fija fidi retta, tama ċerta u mħabba perfetta. Agħtini, Mulej, li nħoss u nagħraf lilek biex nagħmel ir-rieda vera u mqaddsa tiegħek”.      

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta      

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Dan 7, 13-14
    Salm: 92 (93) 1ab.1ċ-2.5
    Qari II: Apok 1, 5-8
    Evanġelju: Ġw 18, 33b-37