L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Xi ħaġa, tkun xi tkun”. Din hi l-kelma tal-Fariżej meta ġew jistaqsu lil Ġesù jistax raġel jiltaq lil martu “fuq xi ħaġa, tkun xi tkun”. Riedu jkunu jafu jekk wieħed jistax ikollu l-libertà li jinħall mir-rabta taż-żwieġ “fuq xi ħaġa, tkun xi tkun”.

U Ġesù hu ċar fit-tweġiba tiegħu. Jgħid: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”. Jgħid li għalhekk raġel iħalli lill-ġenituri tiegħu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. “Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed”. Din hi rabta intima li tfisser li dan hu l-iskop ta’ Alla meta ħalaq il-ħajja taż-żwieġ: li t-tnejn ikunu ġisem wieħed.

Hi din ukoll il-wegħda li jagħmlu l-miżżewġin fiż-żwieġ, meta jgħidu: “Jiena nieħu lilek b’marti/b’żewġi, u nwiegħdek li nżomm ruħi fidil/a lejk fir-risq it-tajjeb u fil-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li nħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha”. Hi wegħda sabiħa, hi wegħda kbira, hi wegħda ta’ responsabbiltà kbira, imma hi wegħda li hi possibbli bl-għajnuna li jagħti Alla, għax hu Alla li ħalaq din il-ħajja taż-żwieġ.

Alla jrid li nirrispettaw dejjem lil kull persuna xbieha tiegħu, u li qatt ma naċċettaw sitwazzjoni ta’ abbuż għaliex din tmur kontra d-dinjità tal-bniedem

Ninnutaw x’differenza tagħmel. Altru wieħed jidħol għall-ħajja taż-żwieġ b’dal-ħsieb u b’din il-wegħda, u min-naħa l-oħra altru jidħol għall-ħajja taż-żwieġ bil-ħsieb, kif intqal fl-Evanġelju, li tista’ tħalli lil martek jew lil żewġek “fuq xi ħaġa, tkun xi tkun”. Nafu li hi mentalità mifruxa wkoll. Imma din hi d-differenza li tagħmel il-wegħda quddiem Alla, li għandha fiha l-qawwa – għax il-Mulej jagħti dil-qawwa – li ssostni lill-miżżewġin fil-ħajja tagħhom, qalb id-diffikultajiet, l-isfidi u kultant anke l-kriżijiet li jinqalgħu maż-żmien. Alla jagħti din il-qawwa biex tħares lejn dawn il-mumenti mhux bħala ħajt li ma tistax tinfed, ostaklu li jimblokka, imma bħala opportunità għal tiġdid fir-relazzjoni ta’ mħabba.

Nafu li llum hemm sitwazzjonijiet dolorużi fil-ħajja taż-żwieġ, u nafu li jkun hemm okkażjonijiet fejn, b’uġigħ ta’ qalb, koppja jkollha tissepara. Ħa nsemmi eżempju: fejn hemm vjolenza domestika u persuna tkun qiegħda tissawwat fiż-żwieġ. F’dak il-każ, fid-dawl tal-wegħda li tħobb u tirrispetta verament, inti tħobb u tirrispetta lil min qed isawtek billi ma tħallihx ikompli jagħmlek vittma ta’ abbuż. Din mhix “xi ħaġa, tkun xi tkun”, imma hi kwistjoni ta’ dinjità tal-persuna, ir-rispett lejn id-dinjità. Alla jrid li nirrispettaw dejjem lil kull persuna xbieha tiegħu, u li qatt ma naċċettaw sitwazzjoni ta’ abbuż għaliex din tmur kontra d-dinjità tal-bniedem. Jeżistu sitwazzjonijiet dolorużi, u minna jitolbu l-appoġġ u s-solidarjetà għal min qed ibati.

Nitolbu llum lil Alla, ispirati mill-kelma tiegħu, l-ewwel nett għall-miżżewġin biex jagħrfu jgħixu b’fedeltà l-wegħda li għamlu fiż-żwieġ, u biex Alla jagħtihom l-għajnuna qalb id-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja. U nitolbu wkoll għal dawk li daqu l-morr fir-relazzjonijiet tagħhom ta’ mħabba, biex isibu dejjem l-appoġġ u s-solidarjetà, speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija tagħhom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju